Il-kumpanija TEC Malta Limited – li hi kumpanija tal-attivist kbir Laburista Charles Magro u l-mara tiegħu Mariella li torganizza l-events – kompliet tieħu aktar direct orders mill-Gvern bl-aħħar informazzjoni tindika li f’Lulju li għadda ngħatat direct order oħra ta’ aktar minn €20,000.
Charles Magro huwa impjegat tal-Korporazzjoni Enemalta iżda seconded mal-General Workers’ Union (GWU) li hu magħruf ukoll bħala shop steward. Hu wkoll attivist kbir tal-Partit Laburista u midħla sew tal-attivitajiet tal-partit sa minn meta l-istess Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni.
Jirriżulta fil-fatt li ilu minn meta l-Labour kien fl-Oppożizzjoni jorganizza direttament hu l-manifestazzjonijiet kollha tal-massa tal-Partit Laburista taħt id-direzzjoni ta’ Chris Galea, li hu ħabib kbir tiegħu.
Inċidentalment anki Chris Galea llum hu impjegat f’Kastilja u r-rwol tiegħu hu dak li jikkordina l-loġistika u l-attivitajiet uffiċjali organizzati mill-Gvern.
‘In-Nazzjon’ illum tista’ jiżvela kif minn informazzjoni li qegħda toħroġ fil-Parlament, il-kumpanija TEC Malta Limited qed tieħu direttament hi permezz ta’ direct orders għadd ġmielu ta’ xogħlijiet relatati ma’ events.
L-aħħar fost id-direct orders li ħadet u li dwarhom ingħatat informazzjoni fil-Parlament kien għall-inkarigu li tarma u żżarma l-gazebos li ntużaw fl-Energy Conference f’Lulju li għadda, kif ukoll ingħatat xogħol ta’ kiri ta’ tined temporanji għall-istorage. L-ammont globali hu ta’ €20,430.
Dan it-tagħrif fil-Parlament ingħata f’dawn il-jiem minn Konrad Mizzi, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, meta wieġeb Mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li talab lill-Ministru Mizzi jgħid liema xogħlijiet ingħataw mill-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħu lill-kumpanija TEC Malta Limited minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija. Staqsa wkoll liema minn dawn l-inkarigi ta’ xogħlijiet ingħataw permezz ta’ tender u liema ngħataw b’direct order, u f’kull każ, kemm kien il-valur tax-xogħol.
Qabel din il-Mistoqsija Parlamentari, mill-Parlament ukoll ħarġet informazzjoni mill-aktar importanti li hi direttament relatata – dik li l-kumpanija TEC Malta Limited kienet tħallset is-somma ta’ €179,632 grazzi għal tliet direct orders li ngħatat.
//= $special ?>