Lokali

Filmat: Il-Viċi Sindku Laburista Marsaskala tivvota kontra l-proġett ta’ univeristà f’Żonqor Point

Il-Viċi Sindku Laburista ta’ Wied il-Għajn, Desiree Attard ivvotat kontra l-proġett ta’ univeristà f’Żonqor Point, Marsaskala. Art li hi ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp u li għandha importanza ambjentali. Attard u l-kunsilliera Nazzjonalisti sostnew dan mhux proġett iżda qed jingħata isem falz.

Il-proġett kien diskuss f’laqgħa tal-kunsill lokali ta’ Marsaskala li kienet ddominata minn diskors politiku tas-Sindku Mario Calleja  li fiha ammetta li l-kunsill ma kellu l-ebda informazzjoni dwar il-proġett kif ritratt tal-footrpint skont kif pubblikat fil-ġurnali.

F’votazzjoni li ttieħdet, il-kunsill ta l-approvazzjoni tiegħu b’ħames voti favur u erba’ kontra wara diskors tas-sindku li fih qal li l-assigurazzjonijiet li għandu huma mid-diskors fl-attività Laburista nhar il-Ħadd li għadda mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Is-sindku Laburista saħanistra ikkritika l-pożizzjoni espress mill-Arċisqof Scicluna u qal li l-proġett mhux se jagħti veduti u li l-bdiewa ta’ fejn se jsir il-park mhux se jkollhom joħorġu mill-għelieqi tagħhom. Din il-proposta ġiet ħabta u sabta sostna s-sindku Laburista. L-argumenti tal-kunsilliera Laburisti favur il-proġett kienu dwar il-ground sportiv li se jsir fil-lokal u l-mod kif in-naħa t’isfel ta’ Malta hi mgħobbija b’diversi industriji.

Il-pożizzjoni tas-sindku Laburista mhux biss sabet l-oġġezzjoni tal-kunsillieri Nazzjonalisti iżda anki tal-Viċi Sindku Laburista Desiree Attard  li b’mod dirett qalet lilha kellmuha ħafna nies u magħha esprimew oġġezzjoni qawwija għal dan il-proġett.

Hi oġġezzjonat għall-fatt li l-proġett se jsir fuq art ‘l barra mill-iżvilupp u qalet li min irid is-saħħa tan-nies tal-lokal għandu jkun favur il-ftuħ u mhux l-għeluq ta’ Marsascala b’iktar bini.

Dwar il-facilitajiet sportivi meħtieġa fil-lokal, il-Viċi-Sindku Laburista qalet li l-assoċjazzjonijiet tal-lokal m’għandhomx ikollhom imorru jittallbu għand il-barranin biex juzaw il-faċilitajiet sportivi.

Filwaqt li sejħet dan il-proġett bħala sfreġju ambjentali, il-Viċi Sindku Laburista sostniet li kienet se tivvota kontra dan il-proġett.

L-oġġezzjoni tal-Kunsilliera Nazzjonalisti John Camilleri, Charlot Cassar u Sandro Gatt kienet ibbażata fuq il-fatt li l-proġett se jsir fuq żona ‘l barra mill-iżvilupp, li l-bini se jsir se jkun ta’ madwar tliet sulari jew iktar u li l-proġett se jkabbar il-popolazzjoni ta’ Marsacala b’4000 student ieħor mat-12,000 persuna li jgħixu f’Marsascala.

Il-kunsilliera Nazzjonalisti sostnew li dan hu proġett li jeħtieg ħafna infrastruttura, li l-Kunsill għad m’għandu l-ebda proposti jew pjanti, li ż-żona għandha tkun żviluppata f’park nazzjonali u mhux f’università.  Dan hu sfregju fil-lokali, sostnew il-Kunsilliera Nazzjonalisti.