“Għadna fiċ-ċans li nsalvaw iż-żona fiż-Żonqor fejn il-Gvern ta konċessjoni lil investituri mill-Ġordan biex jibnu universita’ fuq żona li fiha mhux permess li jsir żvilupp.”
Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt laqgħa mal-għaqdiet tal-istudenti li saret fl-Universita’ ta’ Malta mill-Oppożizzjoni bl-għan li l-għaqdiet kollha jkollom l-opportunita’ jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom.
Filwaqt li ndirizza lill-istudenti u dawk kollha li huma kontra l-qerda ta’ dak li sejjaħlu bħala l-uniku pulmun li fadal fin-naħa t’isfel ta’ Malta, Simon Busuttil appella għall-ghaqda f’din il-kwistjoni.
Simon Busuttil għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista jemmen fl-importanza ta’ investiment fin-naħa t’isfel ta’ Malta u fil-qasam edukattiv, imma enfasizza li għandu jinstab sit alternattiv għal din l-Universita’.
Dan għaliex is-sit fiż-Żonqor hu sit ta’ importanza xjentifika, ekoloġika u agrikola li ntagħżel mill-MEPA, istituzzjoni li suppost tipproteġi żoni ODŻ, li f’dan il-każ approvat il-qerda ambjentali.
Minkejja li teżisti possibilta ta’ siti alternattivi, il-Gvern irrifjuta proposta tal-Partit Nazzjonalista biex jintuża s-sit tal-Petroleum Division f’Birżebbuġa u ġiet rifjutata wkoll proposta mressqa mill-kunsilliera Nazzjonalisti f’Birżebbuga wara li l-kunsilliera Laburisti vvutaw kontra.
Matul il-laqgħa kienu preżenti wkoll id-deputati Toni Bezzina, Marthese Portelli u Ryan Callus kif ukoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia li għamlet preżentazzjoni dwar l-istandards fl-edukazzjoni ta’ dan il-proġett.
Staqsiet għaliex il-Gvern għadu ma ppublikax il-ftehim dwar dan il-proġett, kollox sar fil-magħluq u bil-moħbi u l-informazzjoni hi nieqsa ħafna. “It-trasparenza u konsultazzjoni ghal dan il-Gvern hi ineżistenti,” stqarret Comodini Cachia.
Filwaqt li fakkret li f’Malta jeżistu istituzzjonijiet edukattivi oħra, Therese Comodini Cachia staqsiet jekk il-Gvern hux se jgħin lil dawn ukoll bl-istess mod kif qed tiġi mgħejuna din l-Universita’ ġdida. Fost l-oħrajn sar magħruf li issa tbiddlu wkoll ir-rikjesti legali li wieħed irid jilħaq biex japplika bħala universita’.
Therese Comodini Cachia qalet li l-Oppoizzjoni temmen fil-konsultazzjoni effettiva, investiment fl-edukazzjoni u li żoni ODŻ bħal din jiġu protetti.
L-Oppożizzjoni wriet ukoll id-diżappunt tagħha li l-Gvern mhux jimxi bi trasparenza u qatt ma’ kkonsulta mal-istudenti dwar dan il-proġett. Qatt ma saret l-ebda laqgħa bħal din minn naħa tal-Gvern mal-istudenti minkejja li negozjati mal-investituri Ġordaniżi ilhom għaddejjin mill-inqas sena.