Għadna fiċ-ċans li nsalvaw iż-żona fiż-Żonqor, fejn il-Gvern ta konċessjoni lil investituri mill-Ġordan biex jibnu Università fuq żona li fiha mhux permess li jsir żvilupp. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-għaqdiet tal-istudenti, li saret fl-Università ta’ Malta.
Il-laqgħa saret bl-għan li l-għaqdiet kollha jkollhom l-opportunità jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom, kuntrarju għal dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista, li qatt ma ħa din l-inizjattiva minkejja li n-negozjati mal-investituri Ġordaniżi ilhom għaddejjin mill-anqas sena.
Meta ndirizza lill-istudenti u lil dawk kollha li huma kontra l-qerda ta’ dak li sejjaħlu bħala “l-uniku pulmun li fadal fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta”, Simon Busuttil appella għall-għaqda. Simon Busuttil għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista jemmen fl-importanza ta’ investiment fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u fil-qasam edukattiv, għalkemm enfasizza li għandu jinstab sit alternattiv għal din l-Università.
Is-sit fiż-Żonqor hu sit ta’ importanza xjentifika, ekoloġika u agrikola li ntgħażel mill-MEPA, l-istituzzjoni li suppost tipproteġi żoni ODZ iżda li f’dan il-każ approvat il-qerda ambjentali. Minkejja li teżisti possibbiltà ta’ siti alternattivi, il-Gvern irrifjuta proposta tal-Partit Nazzjonalista biex jintuża’ s-sit tal-Petroleum Division f’Birżebbuġa, filwaqt li ġiet rifjutata wkoll proposta mressqa mill-Kunsilliera Nazzjonalisti f’Birżebbuga wara li l-Kunsilliera Laburisti vvutaw kontra.
Matul il-laqgħa mar-rappreżentanti tal-istudenti, kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister Marthese Portelli u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina u Ryan Callus. Preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia, li għamlet preżentazzjoni dwar l-istandards fl-edukazzjoni ta’ dan il-proġett.
//= $special ?>