Internazzjonali

Il-Greċja qed tittama fi ftehim ‘malajr’ mal-kredituri

Il-Gvern tal-Greċja jrid jilħaq ftehim dwar is-self mal-kredituri internazzjonali sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Dan meta s-sitwazzjoni – li baqgħet staġnata – iġġenerat biża’ ġdid li l-Greċja jistgħu jispiċċawlha l-flus li bihom qed tħallas is-salarji u l-pensjonijiet.

Il-kelliem għall-Gvern, Gabriel Sakellaridis, sostna li pajjiżu jeħtieġ il-ftehim b’urġenza meta jidher qrib li jispiċċa qoxqox mill-fondi. L-urġenza qed tkompli tikber meta l-Greċja għandha tħallas mal-1.5 biljun ewro lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) sal-5 ta’ Ġunju.

Skont Sakellaridis, il-Greċja qed tipprova biex il-ftehim mal-kredituri jseħħ mill-aktar fis u jekk jista’ jkun qabel l-aħħar ta’ Mejju. L-iskop ta’ dan hu biex il-pajjiż, fuq kollox, jirrisolvi l-kwistjonijiet kritiċi tal-likwidità.

Il-Gvern Grieg, l-Unjoni Ewropea u l-IMF ilhom erba’ xhur jinnegozjaw dwar ir-riformi ekonomiċi li Ateni teħtieġ timplimenta qabel tkun tista’ tieħu l-għajnuna fiskali li jmiss – ekwivalenti għal 7.2 biljun ewro – mill-fond tal-bailout immarkat għall-Greċja.