Lokali

Il-Gvern ibaxxi l-livell għall-Universita’

Il-ġimgħa li għaddiet, dan il-portal ħa l-kummenti tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo dwar il-proġett ta’ Università fiż-Żonqor, bil-Ministru jgħid li dan il-proġett irid jissodisfa kriterji stretti ħalli istituzzjoni tkun akkreditata bħala Università.

 

Madankollu, il-Ministru tal-Edukazzjoni ma semmiex biss li tlett ijiem biss qabel din l-intervista, hu stess ħareġ regolamenti li jemendaw il-kriterji ta’ liċenzjar u akkreditazzjoni għall-Edukazzjoni Għolja.

 

Dawn ir-regolamenti kienu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa li għadda. Fost l-artikli li kienu emendati, hemm wieħed partikolari li jgħid li istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Għolja tkun eliġibbli tapplika għall-istatus ta’ Università jekk il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla tikkunsidra l-applikazzjoni bħala waħda fl-interess nazzjonali u li biha qed titwettaq policy nazzjonali.

 

Bidla oħra li tirriżulta minn dan l-Avviż Legali hi n-numru ta’ korsijiet li trid toffri l-istituzzjoni fuq livelli ta’ Kwalifika 5,6 u 7. Qabel din il-bidla, Università kellha toffri Diploma, Laurea u Master f’mill-anqas sitt oqsma. Iżda minn wara l-Avviż Legali tal-ġimgħa li għaddiet, in-numru ta’ oqsma niżel minn sitta għal erbgħa.

 

Sadanittant, waqt il-programm Newsfeed, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia qalet li dan hu logħob perikoluż mal-istandards tal-Edukazzjoni f’Malta. Staqsiet jekk irridux li jkollna pluraliżmu li jnaqqas l-istandards jew il-kompetittività li żżomm l-ogħla livelli.

 

Hi wissiet li jekk Universitajiet barranin ikollhom suspett li l-livell f’Malta naqas, mhux se jagħmlu distinzjoni bejn l-istudenti tal-Università fiz-Zonqor u l-Università ta’ Malta meta l-gradwati Maltin japplikaw għal korsijiet barra mill-pajjiż.