Battibekk bejn is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u d-Deputat Laburista Marlene Farrugia dwar il-proposta tal-Gvern li jiżviluppa Zonqor Point
F’battibekk fil-Parlament bejn is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li nsista biex issir diskussjoni separata dwar l-iżvilupp propost f’Zonqor Point, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia saħqet li d-diskussjoni dwar dak li ġara fl-aħħar jiem b’rabta mas-sit ta’ Zonqor Point, hi importanti għaliex magħha hemm il-kredibbiltà ta’ dak li qed jipproponi llum il-Gvern – il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Fid-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li llejla ddiskuta l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar maħruġ mill-MEPA u l-emendi proposti għalih, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia enfasizzat ukoll li r-relevanza tad-diskussjoni tal-lum hi kruċjali għaliex fid-dokument hemm diversi punti li jitkellmu kontra dak li seħħ fl-aħħar jiem u jekk ma tifhimx dan id-dokument fil-prattika, u ma tistaqsix kif qed isiru l-affarijiet, tħoss li tkun qed tonqos lil dan il-Kumitat Parlamentari.
Id-Deputata Laburista għamlet diversi mistoqsijiet lill-uffiċjali tal-MEPA u saħqet li dak li qiegħed jiġi propost mill-Gvern illum, għandu jissarraf f’policies li jirriflettu dak li wiegħed il-Gvern għas-settur ambjentali fil-programm elettorali u li l-elettorat ivvota għalih.
Kien il-gvern li ressaq żewġ rakkomadazzjonijiet lill-MEPA għal siti għal żvilupp fin-Nofsinhar ta’ Malta
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li flimkien max-Shadow Minister Marthese Portelli ressqu diversi mistoqsijiet lill-Uffiċjali tal-MEPA li kienu qed jagħtu l-ispjegazzjoni lill-Kumitat, staqsa lill-Kap Eżekuttiv tal-MEPA jispjega kif ġabet ruħha l-MEPA bħala awtorità indipendenti quddiem il-proposta tal-Gvern fl-għażla tal-post ta’ Zonqor Point għall-iżvilupp ta’ università fiz-zona msemmija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, Johann Buttigieg, wieġeb li kien il-Gvern li ressaq żewġ rakkomandazzjonijiet lill-MEPA għall-iżvilupp fin-Nofsinhar ta’ Malta, u fisser li flimkien ma’ Zonqor Point, kien hemm ukoll is-sit ta’ San Leonardu. Il-MEPA għażlet is-sit b’lanqas ħsara.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus irrimarka wkoll għall-fatt li bħala membru tal-Bord tal-MEPA, għad m’għandux kopja tal-istudju li sar mill-MEPA dwar dawn iż-żewġ siti u r-rakkomandazzjoni li saret. Il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA qal li l-istudju qiegħed f’idejn il-Gvern u hu fir-responsabbiltà tal-Gvern li jippubblikah.
Filwaqt li ċ-Chairperson Marlene Farrugia rrimarkat li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA kien qiegħed jaġixxi fuq direzzjoni tal-Gvern, id-Deputat Nazzjonalista baqa’ jinsisti li għad m’għandux ir-rapport tal-MEPA sal-lum, bil-Kap Eżekuttiv iwegħed li nhar il-Ħamis li ġej jgħaddilu kopja tar-rapport li ngħata lill-Gvern fuq dawn iż-żewġ siti kif rakkomandati mill-Gvern stess.
Il-Gvern irid żvilupp f’zona ta’ sensittività u ta’ valur ambjentali għoli
Fl-istess laqgħa, Din l-Art Ħelwa ddikjarat li z-zona ta’ Zonqor Point fejn il-Gvern irid jagħti lill-barranin biex tinbena università ġdida fin-Nofsinhar ta’Malta, hi dikjarata bħala zona sensittiva ta’ valur għoli għall-ambjent. Il-policies li qiegħed iressaq il-Gvern illum fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar, diġà qed jinkissru fir-realtà, u qabel ma’ dan il-pjan għadu lanqas biss daħal fis-seħħ.
Din l-Art Ħelwa tiddikjara li l-policies li qed ifassal il-Gvern għall-ambjent huma dgħajfa, ta’ diżappunt u li jirrelagaw lill-ambjent
Quddiem dan il-Kumitat presedut mid-Deputata Laburista Marlene Farrugia, Petra Caruana Dingli, f’isem Din l-Art Ħelwa, ittimbrat dan id-dokument li qiegħed jippreżenta l-Gvern u, li dwaru għamel introduzzjoni l-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat, bħala dokument dgħajjef u li jwaqqa’ l-importanza tal-ambjent, bil-kelma wżata minn Din l-Art Ħelwa kienet “downgrading” lill-ambjent.
Fissret ukoll li tant hu dokument dgħajjjef u mingħajr dettal, li ma tistax tużah u mhu se jaħgmel ebda differenza.
Il-kelliema ta’ Din l-Art Ħelwa ddikjarat u kkritikat ukoll li l-proposti li ressqet għal dak li qed jipproponi llum il-Gvern, kienu injorati.
Appellat li l-Pjan jiġi rivedut biex ikollu miri kif se jiġu implimentati, u li jinkludu wkoll salvagwardi lill-ambjent.
Fissret li d-dokument ma tista’ tagħmel xejn bih u mhu se joffri ebda protezzjoni għall-ambjent u lanqas hu utli għall-ippjanar u għall-MEPA.
Bl-iżvilupp f’Zonqor Point il-Gvern diġà qed jinjora dak li qed jipproponi
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli qalet f’intervent li għamlet, li d-diskussjoni trattat l-ODZ u spjegat li art li tittieħed mill-ODZ għall-iżvilupp se tkun kumpensata b’art oħra, iżda rrimarkat li l-pjan li qed jipproponi llum il-Gvern ma jaħsibx għal dan b’mod ċar.
Irrimarkat ukoll li llum hawn tħassib serju kif l-ambjent se jkun protett. Fid-dawl ta’ dak li seħħ fl-aħħar ġranet fejn il-proġett ta’ Zonqor Point qed jitressqq meta l-pjan strateġiku tal-Gvern għadu mhux fis-seħħ, staqsiet lill-Gvern jiddikjara data meta se jdaħħħal fis-seħħ dan il-pjan.
Dan hu importanti, fissret Marthese Portelli, għaliex il-Gvern qiegħed jinjora l-pjan tiegħu stess b’dak li qed jipporponi f’Zonqor Point.
Il-Gvern għandu aktar żviluppi li se jkunu ta’ aktar danni għall-ambjent
Fil-Kumitat tkellmet ukoll rappreżentanta oħra ta’ Din l-Art Ħelwa, Joanna Spiteri Staines, li rrimarkat li l-pjan li qiegħed iressaq il-Gvern għal politika ġdida ambjentali, hu nieqsa mid-dettall tal-isforz li għandu jkun hemm mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent storiku u naturali ta’ pajjiżna.
Dan kienet qed tirrimarkah fid-dawl ukoll ta’ dikjarazzjonijiet oħrajn li diġà saru mill-Gvern u li se jkomplu jissarrfu f’aktar danni lill-ambjent. Semmiet l-iżvilupp li diġà tħabbar fil-bajja tal-Mellieħa għal lukanda oħra u li dwar dan l-iżvilupp hemm ukoll il-barka tal-MTA, u l-estensjoni wkoll b’zona ġdida ta’ bini li qed jingħad li jista’ jkun hemm mas-sit storiku ta’ Selmun.
Semmiet li l-gvern preċedenti kien waqqaf il-proposta li kellu quddiemu għall-iżvilupp f’Ta’Ċenċ quddiem il-firem li kienu nġabru, 10,000 b’kollox, kif ukoll wara taħditiet twal li wasslu biex ma jsirx il-proġett.
Ir-rappreżentanta ta’ Din l-Art Ħelwa kkonfermat ukoll għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Marlene Farrugia, li l-proposti li kienet ressqet Din l-Art Ħelwa lill-Gvern ġew injorati.
Din l-Art Ħelwa pproponiet lill-Kumitat Parlamentari, biex id-deċiżjonijiet dwar proposti għal żviluppi f’zoni sensittivi għall-ambjent jiġu posposti sakemm jidħol fis-seħħ il-pjan ambjentali li qiegħed jipproponi l-Gvern.
Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia, bħala Chairman tal-Kumitat Parlamentari, irrimarkat kemm-il darba li hi kienet qed taqbel ma’ dak li kienet qed targumenta dwaru Din l-Art Ħelwa. Talbet lir-rappreżentanta ta’ din l-organizzazzjoni mhux governattiva tressaq lill-Kumitat il-proposti li tixtieq u li ma kinux inklużi fil-pjan li ressaq il-Gvern, biex dawn jiġu ppreżentati quddiem il-Kumitat bħala emendi għall-pjan tal-Gvern, u li dwarhom ikun hemm diskussjoni u vot.
//= $special ?>