Lokali Parlament

Il-Parlament il-ġdid miftuħ għall-pubbliku fil-weekend tas-Sette Giugno

Il-Parlament il-ġdid se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fil-weekend tal-festa nazzjonali tas-Sette Giugno, fis-6 u s-7 ta’ Ġunju biex wieħed ikun jista’ jsegwi aħjar il-ħidma li ssir f’din il-binja. Dan ħabbru l-Ispeaker Anġlu Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet, akkumpanjat mill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, u l-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia.

L-open days se jsiru s-Sibt, 6 ta’ Ġunju mid-9am sal-4pm u l-għada l-Ħadd mid-9am sas-1pm. L-Ispeaker spjega li l-membri tal-pubbliku se jiddaħħlu mill-entratura tal-Blokka tal-Amminstrazzjoni, fejn se jsibu Uffiċjali tal-Parlament li se jispjegaw il-ħidma Parlamentari. Matul il-jumejn, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità jara esibizzjoni ta’ xogħlijiet magħmula minn persuni li jinsabu l-Ħabs, li se tittella’ fid-daħla tal-binja.

Is-Sibt filgħodu, l-Ispeaker se jniedi wkoll ktieb bl-isem “Winning People’s Hearts“, ta’ Paul A Bartolo, li jitratta d-demokrazjia f’Malta.

Fil-Parlament, fl-ewwel ġimgħa li fiha beda jiltaqa’ l-Parlament fil-binja l-ġdida wara li kien inawgurat fl-4 ta’ Mejju, id-Deputat Nazzjonalista David Agius kien appella fil-Parlament biex id-dar ġdida tad-demokrazija fid-Daħla tal-Belt, proġett b’viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista, tkun miftuħa f’open days speċjali biex il-pubbliku jkun jista’ jara l-investiment li sar fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament.

Matul il-jumejn, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità jara esibizzjoni ta’ xogħlijiet magħmula minn persuni li jinsabu l-Ħabs, li se tittella’ fid-daħla tal-binja. Dan hu simbolu b’messaġġ li, filwaqt li l-Parlament issa hu aktar miftuħ u aċċessibbli għal min hu liberu għax jista’ jsegwi l-ħidma tal-Parlament anke bix-xandir viżiv tas-seduti parlamentari, min ma jgawdix din il-libertà, ir-resident fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ukoll se jkun miftuħ għalihom il-Parlament ġdid bil-wirja li se jkunu qed jippreżentaw l-istess residenti fil-Faċilità fl-entratura tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt.

Wirja oħra waqt l-open days se tittratta l-istorja bir-ritratti tal-Parlament Malti, b’ritratti li jmorru lura sas-sena 1815.

Ebda deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-monti lejn il-bini tal-Parlament
Il-President tal-Kamra Anġlu Farrugia tkellem ukoll dwar is-sigurtà tal-Parlament b’rabta mad-deċiżjoni tal-Gvern li jittrasferixxi l-monti ħdejn il-bini tal-Parlament, bl-Ispeaker jikkummenta meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, li hu diġà ta kummenti u esprima l-fehma li l-monti m’għandux ikun fil-viċinanzi.

Spjega li kien hemm korrispondenza mal-Gvern dwar dawn l-iżviluppi u saru wkoll taħditiet, iżda ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet.
Semma wkoll li s-sigurtà hi f’idejn il-Pulizija u filwaqt li rrimarka li saret ħafna ħidma biex tingħata l-aħjar sigurtà u livell għoli ta’ sigurtà għal din il-binja importanti tal-istituzzjoni tal-Parlament, spjega wkoll li se jkun hemm aktar organizzazzjoni fl-aspetti tas-sigurtà.

Membru ta’ Forum tal-Parlamenti tal-Commonwealth
Tħabbar ukoll li l-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti nħatar membru tal-iStanding Committee tal-Konferenza tal-Ispeakers tal-Commonwealth. Dan l-iżvilupp seħħ fuq proposta li kien ressaq Anġlu Farugia fi New Zealand, li kien irrimarka li l-pajjiżi ż-żgħar fil-Commonwealth għandhom ikunu rappreżentati f’dan il-Kumitat, bid-deċiżjoni fl-aħħar Konferenza tal-Ispeakers tal-Commonwealth li saret f’Ruma, taċċetta l-proposta ta’ Malta u nnominat lill-Ispeaker Malti membru fuq dan il-forum parlamentari fi ħdan il-Commonwealth.

L-Ispeaker Malti ddiskuta din in-nomina għall-pajjiżi żgħar tal-Commonwealth ma’ Ċipru, b’dan il-pajjiż ukoll jinnomna lil Anġlu Farrugia biex iservi f’dan il-forum.