Internazzjonali

Impenji biex jieħdu lura Ramadi minn idejn l-ISIS

L-aħħar rapporti mill-Iraq qed jgħidu li gruppi ta’ milizzji Xiti li għandhom l-appoġġ tal-Iran ingħataw id-direttivi speċifiċi biex jaħtfu lura l-belt Iraqina ta’ Ramadi, li lbieraħ waqgħet f’idejn it-terroristi tal-grupp ISIS.

Hu mifhum li mietu aktar minn 500 persuna wara diversi jiem ta’ ġlied f’Ramadi, li tinsab ftit aktar minn 100km lejn il-Punent ta’ Bagdad. Dan fost rapporti li fl-aħħar sigħat ħarbu ammonti kbar ta’ nies mill-inħawi tal-belt, li hi l-kapitali tal-provinċja ta’ Anbar.

Madankollu, l-Istati Uniti hi fiduċjuża li ‘l quddiem, il-militanti tal-ISIS ikunu kostretti jirtiraw minn Ramadi. Fil-fatt, is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry qal li hu konvint li l-qawwiet kontra l-ISIS qed jieħdu l-miżuri neċessarji biex jibdlu s-sitwazzjoni, kif ukoll li ċ-ċirkostanzi se jkunu differenti fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.