Mietu mill-inqas disa’ persuni fi sparatura bejn gruppi ta’ bikers rivali fl-Istati Uniti. Il-vjolenza seħħet fl-inħawi ta’ Waco, f’Texas, waqt li l-pulizija, fl-aħħar sigħat, arrestat mill-inqas 190 persuna li qed jgħinuha fl-istħarriġ.
L-isparatura bdiet fl-inħawi ta’ stabbiliment li jservi bħala ristorant u kafetterija, u l-pulizija kkonfermaw li l-mejtin huma kollha bikers. Indarbu aktar minn 20 ruħ waqt il-ġlied li nfirex lejn is-sit tal-parkeġġ li sar jixbah lil zona ta’ gwerra bi sparar kontinwu.
Ir-rapporti qalu li l-ġlieda bejn il-membri tal-gangs rivali nqalgħet fuq tilwima dwar il-parkeġġ qrib ir-ristorant, u kienu involuti mill-inqas ħames gruppi differenti. Fl-eqqel tal-isparaturi, il-ħaddiema u l-klijenti tal-istabbiliment sakkru lilhom infushom ġo kamra tal-friża biex jistkennu mill-ġlied, sakemm kienu skortati mill-pulizija.
//= $special ?>