Lokali

Insostnu d-Differenza

Issa li l-Partit riesaq lejn l-elezzjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li għalih il-Kunsilliera jridu jeleġu 18-il rappreżentant, dawk eleġibbli biex jivvutaw għandhom f’idejhom ir-responsabbiltà li jtellgħu Kumitat li ser ikollu quddiemu snin importanti ta’ ħidma hekk kif il-Partit Nazzjonalista jrid iħejji l-politika tiegħu li twasslu għall-elezzjoni ġenerali.

Għalhekk, kif mistenni, il-kandidati li qegħdin jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet għandhom iwasslu l-viżjoni politika tagħhom biex il-kunsilliera jagħmlu l-aħjar għażla nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju li mbagħad tkompli tagħmel id-differenza. Il-viżjoni tiegħi, bħala kandidat għal dawn l-elezzjonijiet hija bbażata primarjament fuq ħames punti importanti li lkoll jiffukaw fuq kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jsostni d-differenza:

1. Insostnu d-differenza billi nagħrfu l-isfida li dal-Partit ikompli jiġġedded. Fid-dawl ta’ dan l-argument, it-tiġdid li jitkellem dwaru l-Kap Simon Busuttil huwa mibni fuq Partit li jkun qiegħed jersaq eqreb tal-elettorat. Għalhekk, il-prezenza tiegħi – l-ewwel nett bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-2018 – għandha tqarreb lill-istess elettorat u l-Kumitat Eżekuttiv lejn politika mibnija fuq il-ħteġijiet tas-soċjetà.

2. Insostnu d-differenza wkoll billi l-Kumitat Eżekuttiv ikun, fost l-oħrajn, rappreżentat minn dawk li ser ikunu l-wiċċ tal-Partit Nazzjonalista fis-snin li ġejjin. B’hekk, infasslu viżjoni politika realizzata minn dawk li huma afdati b’din l-istess responsabbiltà biex nassiguraw li l-Partit Nazzjonalista jkun qiegħed jissodisfa dimensjonijiet soċjo-politiċi tal-llum u ta’ għada li jkompli jsaħħu lill-Partit Nazzjonalista.

3. Insostnu d-differenza billi nibnu fuq il-passat glorjuż tal-Partit imma nħarsu ‘l quddiem billi nqisu minn fejn tlaqna u lil fejn irridu mmorru, biex dak li ksibna nħarsuh u nsaħħuh. Il-ġejjieni jrid jinbena fuq il-passat u għaldaqstant nifhmu x’inhuma l-għeruq u nenfasizzaw li l-Partit ma jitbiegħedx minnhom imma jagħraf jimxi maż-żmenijiet.

4. Insostnu d-differenza biex insaħħu r-relazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista tan-nies u l-Partit Nazzjonalista bħala Partit politiku kumpless li huwa msejjes fuq diversi organizzazzjonijiet interni bil-possibiltajiet li jkun hemm ukoll forums ġodda li jaffaċċjaw l-isfidi ta’ soċjetà dejjem dinamika.

5. Insostnu d-differenza billi nwessgħu l-istrateġiji politiċi tal-Partit u nħarsu lejn l-Eżekuttiv minn perspettivi ġodda, perspettivi b’viżjoni ċara u li timxi ma’ dak li teħtieġ l-isfera soċjo-politika Maltija.

Ma għandix dubju, li l-kandidatura tiegħi għall-Kumitat Eżekuttiv issostni d-differenza li l-Partit qiegħed u se jkompli jagħmel. Li ma kienx għalhekk, ma kont qatt nasal nagħti sehmi biex nagħti opportunità ta’ tiġdid lil dan il-Kumitat Eżekuttiv li jsostni l-partit li għandu quddiemu viżjoni li jkompli jagħmel id-differenza. Ninsab ottimist li l-kunsilliera jagħrfu l-ħteġijiet tal-Partit u ser ikunu qed jivvutaw għal bidla inevitabbli li tressaq lill-Partit Nazzjonalista lejn suċċessi kbar.