Il-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia fi blog għażel li jidħol fil-kontroversja politika tal-Viċi-President tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo u saħansitra juża l-frażi baxxa ABZ biex iwassal il-messaġġ tiegħu.
Fil-kitba tiegħu Carmel Cacopardo kkritika lill-gvern dwar l-użu ta’ art mhux mittiesfa u ambjentalment protetta ‘l barra miż-żona ta’ żvilupp f’Żonqor Point, Marsascala biex fuqha tinbena Universita’ ġdida. Huwa sostna li l-Gvern li qed jinjora l-wegħda elettoralii li ma jsirx bini f’żoni ‘l barra mill-izvilupp.
Il-kritika ta’ Cacopardo jidher li ma niżlitx tajjeb mal-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru tant li Farrugia wasal biex irreaġixxa u attakka kemm lil Cacopardo kif ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.
Reazzjoni mid-Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Matthew Bonett, li qal li l-kumment tal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru juri l-livell baxx tal-politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat u n-nies ta’ madwaru. Huwa sostna li r-rwol ta’ Kurt Farrugia huwa wieħed għoli fil-pajjiz – dak ta’ Kelliem tal-Gvern. Bonett qal li l-paga ta’ Farrugia titħallas mit-taxxi tagħna lkoll. Huwa qal li filwaqt li Joseph Muscat, f’sentejn, dawwar it-tmexxija tal-pajjiz f’cajta, l-kelliem tiegħu qed jiprova jagħti l-impressjoni li d-diskussjoni serja dwar l-ODZ hija ċajta. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar.
//= $special ?>