Lokali Parlament

Mhux kollox se jkun ta’ pjaċir għall-ħaddiema tal-Air Malta

Għall-appelli tal-Oppożizzjoni l-Gvern jgħid li qiegħed jagħmel minn kollox biex ma jkunx hemm tnaqqis ta’ ħaddiema u tnaqqis tal-kundizzjonijiet, iżda aktar minnhekk ma jistax iżid

Quddiem l-appelli tal-Oppożizzjoni fil-Parlament biex il-Gvern jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti u l-futur tal-Air Malta, kif ukoll biex il-Gvern ikun ċar jekk hux qed jeskludi xi privatizzazzjoni fl-Air Malta u hux jeskludi li jkun hemm tnaqqis tal-kundizzjonijiet u jew nuqqas ta’ ħaddiema, il-Gvern wieġeb li qiegħed jagħmel minn kollox biex ma jkunx hemm tnaqqis tal-kundizzjonijiet u tnaqqis ta’ ħaddiema f’xenarju kompetittiv tal-linji tal-ajru. Iddikjara wkoll li mhux kollox se jkun ta’ pjaċir għall-ħaddiema.

Aktar minnhekk ma jistax iżid, iddikjara l-Ministru Edward Zammit Lewis meta kien qed iwieġeb diversi mistoqsijiet tad-deputati tal-Oppożizzjoni.

Il-Ministru għat-Turiżmu responsabbli mill-Air Malta llejla ddikjara fil-Parlament li ma jistax jgħid aktar u ma jistax iżid aktar milli jgħid li l-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex ma jkunx hemm tnaqqis ta’ kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tnaqqis ta’ ħaddiema fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.

Il-Ministru Zammit Lewis lanqas ma kien ċar għal mistoqsijiet diretti u ċari dwar jekk il-Gvern hux miexi fid-direzzjoni ta’ privatizzazzjoni jew privatizzazzjoni parzjali tal-Air Malta. Minkejja t-talbiet u l-mistoqsijiet ripetuti li sarulu mill-Oppożizzjoni biex jgħid jekk il-Gvern hux se jkun qed jipprivatizza l-kumpanija nazzjonali jew hux se tkun privatizzazzjoni parzjali, il-Ministru għat-Turiżmu baqa’ jaħrab milli jwieġeb b’mod dirett u fisser biss li d-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu se jkun fl-interess nazzjonali.

Hu kien qiegħed iwieġeb għal diversi mistoqsijiet u għall-appelli ripetuti tal-Oppożizzjoni, fosthom mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, mix-Shadow Ministers Claudio Grech u Jason Azzopardi, u mill-Kelliem għat-Turiżmu d-Deputat Antoine Borg.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jikkonsulta kemm mal-imsieħba fl-industrija tat-turiżmu, kif ukoll mal-Oppożizzjoni dwar l-isfidi u l-miri li għandha quddiemha l-Air Malta. Insistiet ukoll biex ikun hemm serħan ilmoħħ lill-ħaddiema dwar il-futur tagħhom.

Fit-tweġibiet li ta l-Ministru Zammit Lewis, qal li l-Gvern jikkonsulta meta jkun il-waqt u fil-mument opportun minħabba s-sensittività tal-qagħda preżenti tal-kumpanija nazzjonali tl-ajru, filwaqt li rrimarka wkoll li d-deċiżjonijiet li se jittieħdu biex tiġi indirizzata l-isfida tal-Air Malta, mhux kollha se jkunu “ta’ pjaċir għall-ħaddiema” fid-dawl tal-ftehim li hemm.