Lokali

“Qalb daqshekk tajba għandha tkun ukoll b’saħħitha” – mijiet jibagħtu messaġġi ta’ kuraġġ lil Raymond Falzon

“Qalb daqshekk tajba bħalma kellek int għandha tkun ukoll b’saħħitha. Nisperaw li narawk lura f’saħħtek kemm jista’ jkun malajr.”

Kien dan wieħed mill-messaġġi ta’ kuraġġ li mijiet kitbu lil Raymond Falzon, magħruf bħala “is-Slais”, persuna rispettat u maħbub ħafna fir-Rabat.

Raymond sfortunatament kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Buqana, fir-Rabat, ftit biss bogħod minn fejn joqgħod. Hu kien riekeb il-mutur tiegħu li tant kien għal qalbu, meta għall-ħabta tas-13:00 kellu impatt ma’ vann Mazda, misjuq minn raġel ta’ 69 sena mill-Mosta, li kiser fuq ġenb biex jidħol għall-għalqa tiegħu.

Mal-impatt Raymond, li lejliet l-inċident ikrah kien għadu kif iċċelebra għeluq sninu, tar minn fuq il-mutur, inqabad mat-trakk u tkaxkar għal xi metri. Raymond ittieħed immedjatament lejn l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Fuq Facebook fost l-oħrajn jispikkaw il-messaġġi minn membri tal-familja, li ddeskrivew lil Raymond bħala pilastru tal-familja li mhux biss kien mimli kuraġġ imma kien jagħmel ukoll kuraġġ lil ta’ madwaru. Persuna ferrieħi li dejjem kien ifittex li jgħin lil ħaddieħor.