Internazzjonali

Se jibqgħu jipprotestaw kontra l-Prim Ministru tal-Maċedonja

Id-dimostranti fil-Maċedonja li qed jipprotestaw kontra l-Prim Ministru Nikola Gruevski qed jinsistu li jkomplu bil-protesti fi Skopje sakemm Gruevski jwarrab mill-poter.

Għalkemm irtiraw ħafna mill-għexieren ta’ eluf li ħadu sehem fir-rally ta’ nhar il-Ħadd kontra l-Gvern ta’ Gruevski, għad fadal mijiet ta’ dimostranti fil-belt kapitali li waqqfu t-tined fl-inħawi biex jippersistu bil-manifestazzjonijiet.

Ir-rally seħħ wara li l-Oppożizzjoni tal-Maċedonja żvelat ir-rekordings sigrieti li jindikaw kumplott ta’ Ministri tal-Gvern li jibbaża fuq it-tbagħbis tal-voti. Hu allegat li r-rekordings qed jirreferu wkoll għal attentat biex jinħeba omiċidju.

Sadanittant, il-Prim Ministru Gruevski ċaħad l-allegazzjonijiet u l-Gvern tiegħu akkuża lill-Oppożizzjoni li qed tipprova tiddistabbilizza lill-Maċedonja għall-benefiċċju tagħha.

In-nuqqas ta’ stabbiltà politika fil-Maċedonja rranka mindu jiem ilu seħħew il-konfronti vjolenti f’Kumanovo, fejn inqatlu tmien pulizija u 14-il ġellied Albaniż etniku.