Lokali

Tkompli l-kwistjoni bejn l-HSBC u l-MUBE – tintalab laqgħa ta’ konċiljazzjoni

Il-kwistjoni bejn il-bank HSBC u l-Union Maltija tal-Impjegati tal-Banek, l-MUBE, ħadet żvolta oħra hekk kif il-union talbet lid-direttur tar-relazzjonijiet industrijali biex jiffissa laqgħa ta’ konċiljazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.

Dan bl-għan li tissolva b’mod amikevoli l-kwistjoni dwar il-paga tal-ħaddiema tal-bank li ilha għaddejja għall-aħħar xhur u li f’April saħansitra eskalat tant li l-ħaddiema ġew ordnati josservaw strajk ta’ jumejn.

It-talba għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni mill-MUBE saret wara li skont l-istess union, il-bank ma ta l-ebda risposta għal talba medjazzjoni li saret mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fl-aħħar jiem kien hemm ukoll botta u risposta bejn il-MUBE u l-bank HSBC, bil-Kap Eżekuttiv jgħid li l-MUBE qed iddejjes medjatur kull ħames minuti f’din il-kwistjoni.

Minn naħa tagħha l-MUBE rreaġixxiet u qalet li l-Kap Eżekuttiv qed iwaħħal fiha fuq il-falliment tal-ftehim kollettiv ta’ Awwissu li għadda meta fir-realta kienet id-deċiżjoni tiegħu li jirtira l-ftehim li dwaru kien intlaħaq qbil.

Il-MUBE akkużat ukoll fil-bank għal din il-problema, u qalet li l-kwistjoni nħolqot minħabba d-deċiżjonijiet arbitrarji u prattiċi tal-managemen li qed joqtlu l-motivazzjoni tal-ħaddiema.