Lokali Parlament

Edward Zammit Lewis joħloq kommozzjoni minn laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista: “mhux se nħallu lil Gvern jirrombla fuq id-demokrazija”

F’dik li kienet diskussjoni ordinarja dwar il-ħidma tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi spiċċat f’diżgwid bejn il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u d-deputati tal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif, f’ħin minnhom, waqt li ssemmiet l-investigazzjoni li l-Oppożizzjoni talbet lil Awditur Ġenerali biex jagħmel dwar kif intużaw il-fondi tal-Kunsilli Lokali, il-Ministru Zammit Lewis beda jitkellem dwar kif ma jaqbilx ma ċertu termini ta’ referenza li ġew mitluba lil Awditur Ġenerali.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li numru ta’ termini ta’ referenza li ġew preżentati lil Uffiċju tal-Awditur Nazzjonali, b’mod partikolari “punti A u D”, ma jistgħux jintalbu mill-Uffiċju tal-Awditur. Għal dan il-messaġġ, id-deputati tal-Partit Nazzjonalista, Tonio Fenech u Francis Zammit Dimech, wissew lil Ministru tat-Turiżmu li ma jistax jagħżel li jbiddel it-termini ta’ referenza. U dan iktar u iktar wara li dan l-istess punt kien diskuss f’laqgħa preċedenti tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, mingħajr ma qanqal xi reazzjoni mid-deputati tal-Gvern li huma membri fil-Kumitat.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat Tonio Fenech fakkar li l-ħidma tal-Awditur Ġenerali għandha ssir b’mod awtonomu mingħajr indħil mill-Kamra tad-Deputati u minn kull Kumitat Parlamentari. Din l-imparzjalita’ hija neċessarja biex investigazzjoni ssir b’mod newtrali u imparzjali, tenna Fenech.

Diskussjoni simili tqanqlet ukoll fir-rigward ta’ investigazzjoni oħra li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet lil Awditur Ġenerali biex jagħmel, dwar il-ħidma tal-ARMS, fejn il-Ministru tat-Turiżmu reġa’ prova jitkellem dwar kif ċerti termini ta’ referenza fit-talba tal-Oppożizzjoni ma jistgħux jintalbu lil Uffiċju tal-Awditur. Għal darb’oħra, id-deputati tal-Partit Nazzjonalista saħqu ma’ Edward Zammit Lewis li l-Kumitat bl-ebda mod m’għandu jaħdem biex jillimita l-ħidma tal-Awditur Ġenerali u li l-Awditur jaf biżżejjed kif għandu jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu.

Hekk kif iċ-Ċermen tal-Kumitat temm il-laqgħa tal-Kumitat biex id-deputati jkunu jistgħu jilqgħu fosthom il-kelliema li kienu mistiedna jitkellmu quddiem il-Kumitat fis-7.30pm, il-Ministru Laburista Zammit Lewis ħareġ jiġri mill-Kamra tal-Kumitat Parlamentari biex iqajjem punt ta’ ordni fil-Kamra tal-Plenarja. Dan wassal biex l-istess kelliema li kienu mistiedna biex jitkellmu quddiem il-Kumitat baqgħu jistennew waħidhom, mingħajr spjegazzjoni dwar dak li kien qed jiġri.

Intant, iktar tard, waqt is-sessjoni plenarja, Edward Zammit Lewis reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu dwar ċertu punti ta’ termini ta’ referenza, bl-appoġġ ta’ deputati oħrajn mill-kamp Laburista, fosthom il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u Deborah Schembri. Għal darb’oħra, Tonio Fenech u Francis Zammit Dimech aċċennaw li f’demokrazija, diskussjonijiet bħal dawn ma jitpoġġewx taħt l-iskrutinju ta’ Kumitat Parlamentari b’maġġoranza tal-Gvern. Tonio Fenech saħaq li mhux se jħalli lil Gvern jirrombla minn fuq l-Oppożizzjoni fuq materja daqstant importanti.

L-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, qal li se jkun qed jinvestiga dak li seħħ u joħroġ b’ruling apposta. Intant, kważi wara sagħtejn jistennew li tibda it-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari, il-kelliema ġew infurmati li għandhom jiġu jixhdu f’ġurnata oħra.

Iktar kmieni matul is-sessjoni, il-Kumitat tkellem ukoll dwar l-Assoċjazzjoi tal-Kumitati Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi fi ħdan il-Commonwealth, li toffri appoġġ tekniku lill-istati membri kollha tal-Commonwealth f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma ta’ dawn il-Kumitati. Il-Kumitat Parlamentari Malti ta ħarsa lejn il-Kostituzzjoni ta’ din l-Assoċjazzjoni ġdida u l-mod li bih pajjiżna jista’ jibda jifforma parti minnu.

Kien hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet dwar il-bżonn li Malta tagħti sehemha f’din l-inizjattiva internazzjonali biex b’hekk tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Kumitat Parlamentari tagħna, f’ambjent dejjem iktar professjonali, u taħt skrutinju internazzjonali.