Żagħżugħ ta’ 31 sena minn San Ġwann jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular f’San Pawl tat-Tarġa. Jirriżulta li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-2pm fi Triq FW Ryan waqt li ż-żagħżugħ kien qed jagħmel xi xogħol f’residenza privata.
Għal xi raġuni, iż-żagħżugħ waqa’ minn fuq bejt ta’ garaxx f’għoli ta’ madwar sular. Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Hu ttieħed l-Isptar għal aktar kura, fejn kien iċċertifikat li sofra feriti gravi u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Audrey Demicoli, li ħatret diversi esperti biex jassistu fl-Inkjesta Maġisterjali. Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>