Lokali

FILMAT: Muscat jiddefendi l-ħatra ta’ Sai Mizzi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda b’mod assolut il-ħatra tal-mara ta’ Konrad Mizzi bħala Ambaxxatriċi fiċ-Ċina, li għaliha qed titħallas €13,000 fix-xahar. Mistoqsi minn Savior Balzan waqt il-programm Reporter, Muscat qal li bl-istess raġunar, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ma messux qiegħed fil-politika għax hu t-tifel tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

Għal dan il-kumment wieġeb il-preżentatur, li qal li ż-żewġ ċirkostanzi mhumiex l-istess. Fil-fatt, filwaqt li Beppe Fenech Adami kkontesta l-elezzjonijiet u ġie elett mill-poplu, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ntgħażlet mill-Prim Ministru nnifsu u l-paga li qed tingħata hi deċiżjoni tal-istess Muscat.

Saviour Balzan staqsa lil Joseph Muscat jaħsibx li falla fil-wegħdiet prinċipali tal-meritokrazija u t-trasparenza. Iżda Muscat, mhux talli ma ammettiex li falla, talli wieġeb li mhux talli ma falliex, talli jiġi kkritikat għax żamm miegħu nies li kienu jikritikawh.

Ippressat aktar dwar il-kwistjoni tal-meritokrazija, b’mod speċjali wara li ġie żvelat li Cyrus Engerer, li nstab ħati li xerred materjal pornografiku u ngħata sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs, Muscat qal li jagħżel lin-nies skont il-mertu.

Waqt il-programm, Muscat qal li Joe Debono Grech għadu maħtur bħala Konsulent fil-Ministeru għal Għawdex.