Lokali

Għall-PBS, dak li tgħid Marlene Farrugia hu rrelevanti – il-PN

L-istazzjon tal-Istat qed ikompli jiġi użat bħala arma f’idejn il-Gvern Laburista bi żbilanċ u ċensura, f’xi każi sottili u f’oħrajn b’mod sfaċċat. Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Awdjoviżiva Clyde Puli qal li dak li qed jixxandar fuq l-istazzjon tal-Istat qed jiġi kkontrollat minn xi ħadd li għandu l-aġenda partikolari li jagevola lill-Partit Laburista fil-Gvern.

L-aħħar każ ta’ ċensura mill-PBS qed iseħħ f’dawn il-jiem stess, hekk kif id-Deputat tal-Gvern Marlene Farrugia għamlet numru ta’ dikjarazzjonijiet importanti dwar it-tema ta’ bini fuq art ODZ u dwar it-tmexxija tal-pajjiż. Madankollu, għal xi raġuni, dawn ġew injorati mill-istazzjon tal-Istat, li Clyde Puli kompla li ma jistax jistaħba wara l-iskuża li dak li qalet Marlene Farrugia mhuwiex aħbar u mhux ta’ interess nazzjonali.

Dan hekk kif il-media l-oħra kollha, bl-eċċezzjoni tal-istazzjon Laburista, taw prominenza lid-dikjarazzjonijiet tad-Deputat Laburista. Iċ-ċensura tkompli hekk kif mhux biss ix-xandir tal-Istat ma rrappurtax dak li qed tgħid Marlene Farrugia, iżda ċċensura wkoll il-battibekk bejnha u d-Deputat Luciano Busuttil. Dan juri, kompla Clyde Puli, li għall-PBS ġlied intern fil-Grupp Parlamentari Laburista m’għandux valur ta’ aħbar.

Episodji oħra ta’ żbilanċ mix-xandir tal-Istat hu r-rappurtaġġ tal-iskandlu ta’ Anton Refalo, meta waqt il-programm “Dissett” ġab żewġ esponenti Laburisti ma’ wieħed tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll iċ-ċensura ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.