Lanqas ma jagħti data meta hu ppjanat li jibda jitqassam l-ikel lill-familji fil-bżonn
Il-programm tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi ikel lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà għadu mhux qed jitħaddem mill-Gvern Malti għaliex għad fadal proċeduri amministrattivi li jridu jiġu konklużi.
Dan kien ikkonfermat mill-Ministru Michael Farrugia fil-Parlament, meta kien qed iwieġeb mistoqsija tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, li staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jgħid jekk din is-sena bediex jitħaddem il-programm Fund for European Aid to the most Deprived (FEAD), iffinanzjat mill-UE.
Ir-raġuni ta’ dan in-nuqqas hi li għad fadal proċeduri amministrattivi x’jiġu konklużi fl-aġġudikazzjoni tat-tender għall-fornitur tal-prodotti li se jkunu qed jitqassmu, u fl-għażla tal-partner organisation/s, li se jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikel.
Beppe Fenech Adami staqsa wkoll lill-Ministru Farrugia jgħid fejn ser jingħata ikel lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, u biex jagħti data u jikkommetti ruħu magħha, dwar meta se jibda jitqassam l-ikel tant mistenni minn nies vulnerabbli.
Jirriżulta li meta ħarġet l-ewwel sejħa ta’ dawn iż-żewġ sejħiet, ħadd minn dawk li applika ma rriżulta li kien teknikament konformi mal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa, u dan tefa’ l-proċess lura. Is-sejħiet il-ġodda se jerġgħu jinħarġu f’qasir żmien.
Il-Gvern spjega fir-risposta tiegħu, li t-tqassim tal-ikel hu pjanat li jsir minn diversi ċentri mifruxin madwar Malta u Għawdex. Hu pjanat ukoll, jekk kollox imur sew, li dan it-tqassim jibda jsir aktar tard matul din is-sena.
Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Farrugia ma indika ebda data u ma ntrabat b’ebda żmien sa meta jista’ jibda jitqassam l-ikel iffinanzjat mill-UE għall-familji vulnerabbli.
//= $special ?>