Lokali Parlament

Il-kwalità tal-ilma għadha ħażina fil-Fgura

Il-kwalità tal-ilma tax-xorb għadha ħażina fil-Fgura hekk kif il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa jibqa’ jsostni li l-ilma f’din il-lokalità hu tajjeb għax-xorb.

Dan il-kuntrast qawwi u divers fuq aspett importanti tal-ħajja ta’ kuljum għar-residenti fil-lokalità tal-Fgura, qiegħed ikompli jirriżulta fil-Parlament, bid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici jibqa’ jressaq l-ilmenti tar-residenti u jitlob lill-Ministru Konrad Mizzi jispjega għaliex il-kwalità tal-ilma fil-Fgura għadha ħażina.

Il-Ministru Konrad Mizzi, reġa’ tenna wara li mistoqsijiet dwar il-kwalità tal-ilma f’din il-lokalità ilhom isru għal dawn l-aħħar xhur, li l-ilma fil-Fgura hu tajjeb għax-xorb.

Aktar kmieni din is-sena, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici kien talab fil-Parlament lill-Ministru Konrad Mizzi, jara jekk il-kwalità tal-ilma tal-vit li qed jirċievu r-residenti tal-Fgura, huwiex tajjeb għax-xorb billi kien hemm numru ta’ lmenti dwar dan lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’dawn l-aħħar xhur.

Il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ jinsisti fit-tweġibiet li ta, li l-kampjuni li qed jittieħdu mil-lokalità qed juru li l-ilma tal-vit hu tajjeb għax-xorb.

Għal dawn ir-risposta, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici kien staqsa lill-Ministru Mizzi jippreżenta kopja tar-rapporti li saru minħabba li kien għad hemm ilmenti fuq il-kwalità tal-ilma fil-Fgura.

Iżda fir-risposta li kien ta, il-Ministru Mizzi qal biss li l-kwalità tal-ilma fil-Fgura tiġi ċċekkjata kull xahar, u ma ppreżenta ebda rapport kif talab id-Deputat Nazzjonalista.