Lokali Parlament

Il-PM mistoqsi dwar il-kwalitajiet tal-Kap taċ-CHOGM Task Force

Il-PM jibqa’ jiftaħar b’Phyllis Muscat minkejja li diġá irriżenjaw tliet membri mit-tim tagħha u kienet ikkritikata li naqset li tirrispondi mistoqsijiet f’intervista li saritilha minn The Sunday Times

Il-kwalitajiet tal-Kap taċ-CHOGM Task Force, Phyllis Muscat, meta paragunati mal-personalità b’karriera diplomatika twila li kienet fdata bl-organizzazzjoni taċ-CHOGM fl-2005 fi żmien gvern Nazzjonalista, Salvu J. Stellini, kien is-suġġett ta’ dibattitu fil-Parlament, bil-Prim Ministru jkun iffaċċjat bil-mistoqsijiet mix-Shadow Minister Jason Azzopardi dwar jekk il-persuna maħtura llum għandhiex l-istess kwalitajiet, kwalifiċi u kredenzjali tal-persuna magħżula fl-2005.

Muscat iddefendi bis-saħħa l-ħatra u l-għażla ta’ Phyllis Muscat, u ftaħar li qed tagħmel xogħol tajjeb u hu kburi li ħatarha. Dan minkejja li kienet ikkritikata għall-mod kif wieġbet, kif ukoll għal mistoqsijiet li ma weġbitx f’intervista ma’ The Sunday Times, u minkejjja wkoll li diġà kien hemm tliet riżenji mit-tim tagħha fl-organizzazzjoni tal-laqgħa taċ-CHOGM.

Il-Prim Ministru ddefenda l-ħatra u l-għażla tiegħu ta’ Phyllis Muscat fil-Parlament meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet supplimentari li sarulu mix-Shadow Minister Jason Azzopardi fil-Parlament, li staqsa lill-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pakkett finanzjarju li għandha l-Kap taċ-CHOGM Task Force.

Phyllis Muscat fix-xhur li għaddew kienet ikkritikata u spiċċat f’ċentru ta’ kontroversja għat-tweġibiet li tat u għall-mod kif ma rrisponditx uħud mill-mistoqsijiet f’intervista li saritilha dwar il-kariga u l-ħatra tagħha, u li kienet ippubblikata f’The Sunday Times f’Marzu li għadda.

Jirriżulta li Phyllis Muscat għandha salarju ta’ €40,251.12 u €8,000 oħra f’allowances fis-sena.

Il-Prim Ministru qal li għażel il-mudell ta’ manager, hekk kif illum hi mdawra minn diplomatiċi.

Fi ħdan iċ-CHOGM Task Force, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru impjega diġà 17-il persuna fuq il-mertu ta’ position of trust.