“Li kieku f’pajjiż ieħor il-Kap tal-Aġenzija Ambjentali jipproponi hu stess li jsir żvilupp f’art li suppost hi protetta minn policies tal-istess Aġenzija, kien iqum skandlu nazzjonali”. Kliem Michael Briguglio, Lecturer fl-Università ta’ Malta u eks Chairperson tal-AD, waqt il-programm Newsfeed fuq NET Television. Hu qal li l-pożizzjoni tal-Kap Ezekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg “mhix waħda tenibbli”.
Michael Briguglio staqsa kif l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tista’ tittieħed bis-serjetà meta fil-każ tal-iżvilupp ta’ Università fiż-Żonqor se taġixxi “bħala Avukat u Imħallef meta tiġi biex tevalwa proġett li s-sit tiegħu ġie propost minnha stess”. Qal li l-Prim Ministru rnexxielu jgħaqqad prattikament is-soċjetà kollha kontra l-proġett, żewġ partiti politiċi, il-Knisja, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-għaqdiet ambjentali, il-kaċċaturi u elementi fi ħdan il-Partit Laburista stess.
Il-ġurnalist James Debono qal li Joseph Muscat qed ikun diżonest meta jitkellem dwar park naturali “li jiżdied” mal-proġett tal-Università fiż-Żonqor. Qal li l-park naturali fiż-żona ilu parti mill-Pjan Lokali tal-MEPA mill-2006 u skont il-Pjan Lokali, il-park jinkludi d-90 tomna fejn Muscat irid jibni l-Università. Dan ifisser, kompla James Debono, li Muscat “mhux se jagħti park mal-proġett, iżda se jieħu parti mhux ħażin mill-park, li diġà kien fil-Pjan, biex jiżviluppa l-progett”.
Mistiedna oħra tal-programm kienet il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Becky Micallef, li qalet li l-pożizzjoni tal-KSU u ta’ numru kbir ta’ għaqdiet tal-istudenti hi waħda ta’ tħassib minn żewġ lati, kemm dak ambjentali kif ukoll mill-lat edukattiv.
//= $special ?>