L-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda biex persuni mill-Ażerbajġan li jgħixu barra minn pajjiżhom jirrappurtaw għand l-eqreb konsulat tagħhom, qed tidher aktar bħala pass biex l-awtoritajiet f’Baku jżommu lill-immigranti taħt osservazzjoni politika fuq l-istess stil Orwelljan ta’ ‘Big Brother’.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Ażerbajġan għadu kemm introduċa l-emendi għal-liġi dwar ir-reġistrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżu li huma residenti fi stati oħra. Taħt il-liġijiet ġodda, iċ-ċittadini Ażeri kollha, minn issa ’l quddiem, iridu jirreġistraw ma’ konsulat fi żmien xahar wara li jkunu marru jgħixu f’pajjiż ġdid. Dan minbarra li jridu jippreżentaw il-provi dokumentati dwar ix-xogħol tagħhom.
Hu mifhum li d-Dipartiment tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, imbagħad, għandu jressaq l-informazzjoni speċifika lis-Servizzi tal-Istat għall-Immigrazzjoni kif ukoll lill-Ministeru tax-Xogħol u l-Ġid Soċjali.
Il-ġurnalista mill-Ażerbajġan, Natig Adilov, illum immigrant politiku fi Franza, qal lill-Institute for War and Peace Reporting (IWPR) li l-Gvern tal-President Ilham Aliyev diġà għandu l-metodi biex ‘jissorvelja l-passi’ tal-Ażeri li qed jgħixu barra l-Ażerbajġan.
“In-nies li telqu mill-Ażerbajġan minħabba l-persekuzzjoni politika jew minħabba l-qgħad jinsabu taħt sorveljanza kontinwa mill-Gvern ta’ Baku,” enfasizza Adilov.
Il-ġurnalista kompla li fl-aħħar sena, numru ta’ ġurnalisti u ħaddiema mal-organizzazzjonijiet li mhumiex governattivi telqu mill-Ażerbajġan – fil-parti l-kbira minħabba raġunijiet politiċi – biex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom f’pajjiżi differenti, u dan meta ftit hemm dubju li xejn mhu qed jinżel tajjeb mal-Gvern tal-Ażerbajġan.
Għaldaqstant, ir-regoli l-ġodda li adotta l-Ażerbajġan jitqiesu bħala pass ieħor ’il quddiem lejn sistema li taċċerta s-sorveljanza riġida u totali tal-Ażeri li qed jgħixu barra.
//= $special ?>