Internazzjonali

L-investituri barranin mistennija jintlaqtu ħażin f’sitwazzjoni ta’ kumpanniji falluti fiċ-Ċina

Aktar investituri barranin fil-bonds taċ-Ċina qed jissugraw li jinqabdu fis-sistema tal-qorti imprevedibbli tal-pajjiż, li l-ekonomija tiegħu tidher li qed taqta’ lura. Dan meta ċ-Ċina qed tidher anqas ‘impenjata’ biex tikkontrolla sitwazzjoni fejn il-kumpanniji tagħha qegħdin ifallu.

Proprju x-xahar li għadda, il-kumpannija tas-‘solar’ Baoding Tianwel Baobian Electric, saret l-ewwel kumpannija tal-Istat ( Ċiniż) li ma rrispettatx l-obbligi tagħha rigward il-ħlas fuq il-bonds. Dan il-każ, fih innifsu, juri li l-awtoritajiet f’Beijing huma ‘aktar lesti’ li jħallu l-kumpanniji jfallu fit-tentattivi tagħhom biex jirriformaw is-suq korporattiv.

F’April, il-Kaisa Group sar l-ewwel kumpannija tal-proprjeta li falliet milli tonora l-obbligi fuq il-bonds bid-dollari Amerikani. Intant, il-kumpannija tal-Internet, Cloud Live Tech Group, naqset milli tħallas lura kważi $40 miljuni lill-investituri fil-bonds.

Minkejja li l-investituri fil-bonds fl-oqsma onshore u offshore huma trattati bl-istess mod taħt il-liġijiet taċ-Ċina li jirrigwardaw il-fallimenti, l-avukati u l-investituri li għandhom esperjenza ta’ fallimenti fuq livell korporattiv (fiċ-Ċina) jgħidu li l-proċeduri dwar il-fallimenti huma suġġetti għall-indħil min-naħa tal-uffiċjali tal-Gvern lokali li rari jagħtu priorita lill-investituri (bondholders) fl-oqsma tal-offshore.

Aktar dettalji fil-ħarġa ta’ għada tal-ġurnal In-Nazzjon.