Edukazzjoni Lokali

L-istudenti tal-liġi jitkellmu dwar il-legalizazzjoni tal-prostituzzjoni

L-Għaqda Studenti tal-Liġi ippublikat dokument, l-ewwel tat-tip tiegħu fi ħdan din l-assoċjazzjoni studenteska, li jħares lejn il-legalizazzjoni tal-prostituzzjoni f’pajjiżna.

Id-dokument, li huwa aċċessibli hawnhekk, jinkludi l-opinjoni ta’ studenti u professjonisti fil-qasam legali, u huwa msejjes fuq riċerka dwar is-suġġett.

Fi stqarrija, l-istess Għaqda qalet li dan sar bl-għan li d-dokument itenni perspettiva newtrali dwar dan is-suġġett, filwaqt li jaċċenna wkoll l-opinjoni individwali tal-istudenti li kitbuh.

L-għan aħħari hu li jippromwovi l-ħarsa tal-istudenti lejn dan is-suġġett, bil-koperazzjoni tal-awtoritajiet li huma mgħarrfa dwar dan il-qasam.

L-GħSL awgurat li dan id-dokument ikun ta’ frott għad-diskussjonijiet nazzjonali dwar dan is-suġġett u ħabbret li l-Kumitat Politiku tagħha se jkun qed jaħdem fuq iktar dokumenti simili fix-xhur li ġejjin, f’sehem ma’ iktar entitajiet u organizazzjonijiet.