Lokali Qorti

Qabda rekord ta’ flus foloz

Negozjant Indjan ta’ 33 sena tressaq il-Qorti akkużat bil-pusses ta’ aktar minn 116,000 ewro fi flus foloz.
Ravi Kumar, li f’Malta jimporta prodotti tal-ġilda saħaq li hu mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u sostna li hu qatt ma kien jaf li dawn setgħu kienu flus foloz.

Il-prosekutur, l-ispettur Ian Abdilla, f’dan il-każ qal li din hi qabda rekord ta’ flus foloz filwaqt li oġġezzjona li l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja.

Min-naħa tagħha l-Maġistrat Audrey Demicoli ma laqgħetx it-talba għal-libertà proviżorja minħabba li l-akkużat ma għandux indirizz fiss.

F’dan il-każ feġġet ukoll problema li l-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo ma riedx li jkun appuntat biex jgħin lill-akkużat għaliex Kumar kellu flus biżżejjed biex iqabbad avukat. Iżda min-naħa tiegħu Kumar ċaħad dan kollu.

Filwaqt li l-maġistrat ordnat biex l-avukat jirrapreżenta lil Kumar fis-seduta tal-lum, sostniet li minuti tas-seduti għandhom jintbagħtu lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jagħti direzzjoni f’każi simili li jistgħu jfeġġu.