Żewġ traffikanti li kienu arrestati b’konnessjoni mal-imwiet tal-mijiet tal-immigranti fl-akbar traġedja għal snin fil-Mediterran m’humiex se jitressqulhom akkużi rigward ħtif ta’ persuni. Dan wara li ma rriżultawx korretti l-allegazzjonijiet li l-immigranti kienu spiċċaw imsakkrin fil-parti t’isfel tad-dgħajsa li kienu qed jaqsmu biha lejn l-Ewropa.
Madankollu, iż-żewġ traffikanti – il-kaptan tad-dgħajsa, ta’ nisel Tuneżin, u Sirjan li kien membru tal-ekwipaġġ — qed jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju b’konnessjoni mal-għarqa tad-dgħajsa tas-sajd li seħħet ix-xahar li għadda u fejn kienu mietu mat-800 immigrant.
Il-każ kien qajjem l-allarm internazzjonali dwar it-tentattivi tal-eluf kbar tal-immigranti biex jaqsmu mill-Mediterran lejn l-Ewropa u fejn kemm il-darba qed jużaw id-dgħajjes m’humiex adatti għall-vjaġġi li qed jitilqu mil-Libja.
Persuna li salvat mit-traġedja tax-xahar li għadda kienet qalet lill-prosekuturi li l-bibien għall-istiva, fil-parti t’isfel tad-dgħajsa, kienu mblukkati. Iżda l-Prosekutur Taljan, Giovanni Salvi, qal li l-provi ġodda u filmati tat-traġedja urew li dan ma kienx minnu.
Meta tkellem fil-qorti, f’Katanja, Salvi qal li ‘ħafna nies kienu fil-parti t’isfel tad-dgħajsa iżda huma ma kenux imsakkrin ġewwa’. B’hekk, m’għandhomx jitressqu akkużi dwar iż-żamma tan-nies kontra l-volonta tagħhom fil-konfront tat-Tuneżin u s-Sirjan.
Il-qorti f’Katanja, iżda, ikkonfermat l-arrest taż-żewġ traffikanti fuq akkużi ta’ omiċidju tal-massa u traffikar ta’ persuni. Il-Prosekuturi qed jakkużaw liż-żewġ irġiel ‘bit-tmexxija ħażina tad-dgħajsa’ u li kienu l-kaġun għalfejn id-dgħajsa ħabtet ma’ vapur merkantili tal-Portugall li kien avviċinaha biex jagħti l-għajnuna.
Dritt wara l-ħabta, id-dgħajsa tal-immigranti – li kienet mgħobbija b’numru eżaġerat ta’ nies – inqalbet u għerqet fi kwistjoni ta’ minuti. Intant, il-Kaptan u l-ekwipaġġ tal-bastiment Portugiż inkwistjoni m’humiex qed jinżammu responsabbli għal dak li seħħ.
Il-filmat li nġibed taħt il-baħar mill-qawwiet tal-baħar Taljani wera li ħafna katavri għadhom fid-dgħajsa mgħarrqa, iżda l-Prosekutur Salvi qal, ilbieraħ, li m’għandu l-ebda raġuni għalfejn jitlob li d-dgħajsa tkun irkuprata minn qiegħ il-baħar, f’lokalita li tinsab xi 135 kilometru lejn it-Tramuntana tal-Libja.
//= $special ?>