Internazzjonali Sport

Uffiċjal ta’ Mosta F.C. u eks president ta’ Msida St. Joseph fost l-akkużati ta’ match fixing fl-Italja

It-Team Manager attwali ta’ Mosta F.C. Adrian Farrugia, u l-eks President ta’ Msida St. Joseph Robert Farrugia huma fost il-persuni akkużati b’tixħim f’investigazzjoni tal-Pulizija ta’ Catanzaro dwar irranġar ta’ logħob b’assoċjazzjoni tal-Mafja u betting illegali fuq logħob tal-Lega Pro u s-Serie D.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Pulizija ta’ Catanzaro semmew lill-aħwa Maltin Robert Farrugia, li għandu 45 sena u Adrian Farrugia, li għandu 33 sena fl- l-investigazzjoni li ngħatat l-isem ta’ ‘Dirty Soccer’.

B’reabta mal-futbol Malti hemm ukoll Felice Bellini, uffiċjal li sa ftit ġimgħat ilu kien jaħdem f’pajjiżna bħala Direttur Sportiv ta’ Vittoriosa Stars, u li fil-passat kien ukoll uffiċjal ta’ Qormi F.C. u Gudja United, huma fost lista ta’ sebgħin persuna li qed jiġu nterrogati, u li ħamsin minnhom diġa’ ġew arrestati.

Dan minbarra l-kowċ attwali ta’ Vittoriosa Stars, l-eks plejer ta’ diversi klabbs fl-italja, Arturo di napoli, li kien inħatar kowċ ta’ Vittoriosa Stars f’Jannar li għadda.

Fost l-arrestati, 15-il plejer, sitt presidenti ta’ klabbs, għaxar lagħba (Taljani, Russi, Ċiniżi, Serbi u oħrajn mill-Każakistan, minbarra l-Maltin) u tmien uffiċjali oħra, bejn diriġenti, kowċis u diretturi ġenerali.

L-investigazzjonijiet bdew wara li kien innutat influss qawwi ta’ betting fuq xi logħob fosthom fuq partiti ta’ Pro Patria, Barletta, Brindisi, L’Aquila, Neapolis Mugnano, Torres, Vigor-Lamezia, Santarcangelo, Sorrento, Montalto, Puteolana, Akragas u San Severo.

Filwaqt li l-ebda persuna s’issa għadu ma tressaq il-Qorti, imma biss investigati biex ikun stabbilit jekk humiex involuti, il-Pulizija sabu li l-iskandlu jinvolvi żewġ organizzazzjonijiet kriminali mmexxija mill-‘ndrangheta, grupp tal-mafja fl-Italja.

Fil-jiem li ġejjin il-Pulizija mistennija jkomplu jwaqqfu iktar persuni b’rabta mal-investigazzjonijiet li qed ikomplu jikxfu kemm hu kbir u mifrux dan l-iskandlu fid-diviżjonijiet minuri fl-Italja.

Gudja jiddiżassoċjaw ruħhom minn Felice Bellini

Fi stqarrija Gudja United Football Club għamluha ċara li Felice Bellini mhux parti mill-amministrazzjoni tal-klabb u kien biss parti mill-Amministrazzjoni għal żmien qasir fl-istaġun 2012/2013.

Dan wara li fl-aħbarijiet internazzjonali, Gudja United ġew assoċjati ma’ Bellini bħala uffiċjal tal-klabb.