Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern qiegħed imur kontra l-wegħdiet elettorali bl-iżvilupp f’Żonqor Point – Id-Deputata Laburista Marlene Farrugia

Se tibqa’ taħdem sakemm iħalluha waqt li tappella biex il-poplu jingħata l-verità dwar dan l-iżvilupp

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia kkritikat bil-qawwa lill-Gvern fid-deċiżjonijiet li qed jieħu b’rabta mal-iżvilupp massiċċ li ħabbar il-Prim Ministru f’Żonqor Point fuq art naturali. Iddikjarat fil-Parlament li b’dawn id-deċiżjonijiet, il-Gvern qiegħed imur kontra l-wegħdiet elettorali tiegħu ta’ sentejn u nofs ilu, se jkun qiegħed ifaqqar il-wirt naturali ta’ pajjiżna u li fin-Nofsinhar ta’ Malta l-Gvern mhux biss ma neħħiex il-fabbbrika tal-kanċer mill-power station iżda wkoll se jagħmel tanker tal-gass f’Marsaxlokk.

Meta tkellmet illejla fil-Parlament Marlene Farrugia fissret li llum, it-taqbida tagħna mhix biss biex inżommu l-identità, iżda wkoll biex inżommu lil Malta ħajja kif ġiet magħġuna bis-sbuħija naturalu u bl-istorja u bil-lingwa tagħha.

Tħoss li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq bi gvern ġdid li tela’ bl-għajta fejn wiegħed li jħares l-ambjent naturali, il-kultura u l-wirt storiku. Qegħdin ukoll f’salib it-toroq għaliex ma rridux naslu f’punt li nfaqru lil ulied uliedna fil-wirt naturali tagħna.

Appellat biex nirriflettu fuq id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu f’dawn il-jiem għaliex dawn id-deċiżjonijet se jaffettwaw lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Aktar żvilupp fin-Nofsinhar ta’ Malta mat-tanker tal-gass f’Marsaxlokk
Ir-rieda tal-poplu li ta lill-Partit Laburista b’maġġoranza ta’ 36,000 vot, uriet li ma tridx tiftaqar mill-wirt naturali. Fissret li hu ta’ nkwieta meta tkun deputata u f’temp ta’ tliet minuti tħoss li d-dinja waqgħet fuqek meta fil-Grupp Parlamentari Laburista jgħidulek li se jsir żvilupp meta ma tkunx infurmata bih fl-ebda mument qabel.

Id-deputata tal-Gvern qalet li ma tistax tiddeskrivi x’ħasset meta fin-naħa t’isfel ta’ Malta semgħet li se tospita aktar industrija, u dan wara li se jkun hemm ukoll it-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Hu biss l-interconnector li qed inaqqas il-ħsara lill-ambjent
Ikkritikat lill-Gvern li fis-sentejn u nofs ta’ dan il-Gvern, la għadna qlibna l-power station għall-gass u l-fabbrika tal-kanċer għadha hemm topera. Fissret li hu biss għall-interconnector li qed titnaqqas il-ħsara li qed isisr mill-power station ta’ Delimara.

Id-Deputata Laburista qalet li tilqa’ kull proposta ta’ investiment kbir f’pajjiżna, iżda appellat biex lill-investituri barranin bil-bwiet imħaxna għandna nuruhom il-binjiet antiki u l-fortifikazzjonijiet fin-Nofsinhar ta’ Malta wkoll li llum huma mejtin biex jilqgħu l-iżvilupp u l-investiment.

Ikkritikat ukoll lill-Gvern li qiegħed iħalli lil dan l-investitur barrani iberren f’moħħu li jieħu art agrikola f’Żonqor Point fuq mhedda ta’ art mifruxa fuq 90,000 kwadru ta’ art verġni.

Żvilupp għal università bil-flus u għal min jiflaħ iħallas
Wissiet ukoll li din se tkun università bil-flus u se tkun università għal min jiflaħ iħallas. Appellat biex lin-nies nagħtuhom il-verità dwar dan l-iżvilupp biex jiddeċiedu jekk jappoġġjawx jew le dan l-iżvilupp f’art mhix żviluppata.

Għall-argumenti li qed jitressqu li din hi art mitluqa u abbandunata, Marlene Farrugia saħqet li fl-istat li tinsab fih, diġà hi park naturali u jekk hi abbandunata, ir-responsabbiltà hi tal-Gvern biex inaddafha.

Osservat is-sentiment tas-Sindku ta’ Birżebbuġa kontra dan l-iżvilupp u saħqet li tifhmu għaliex fissret li l-lokalità ta’ Birżebbuġa diġà qed tbati mill-industrija tal-Freeport.

Eżerċizzju ta’ konsultazzjoni finta mill-Gvern dwar l-Istrateġija għall-Pjan dwar l-Ambjent u l-Ippjanar
Marlene Farrugia rringrazzja lill-għaqdiet volontarji li din il-ġimgħa taw is-sehem tagħhom fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u minkejja li kienu diġà kienu ntalbu jagħtu l-pożizzjoni tagħhom, il-frott ta’ dik il-konsultazzjoni kien frott biss niexef jew ineżistenti. Sejħet bħala finta l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li kien għamel il-Gvern dwar l-Istrateġija għall-Pjan dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Irrimarkatt li jekk il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-MEPA dwar din l-istrateġija taħt dan il-gvern ma tax il-frott, kienu mistiedna minnha fil-Kumitat biex jissuġġerixxu u jagħtu l-pariri tagħhom lill-Kumitat. Saħqet ukoll li s-servizz tal-NGOs qed jingħata b’xejn kontra dawk l-esperti li qed iħaxxnu bwiethom għax jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Gvern.

Se tibqa’ taħdem fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent sakemm iħalluha Chairperson
Awgurat li l-Pjan Strateġiku tal-Ambjent u l-Ippjanar ikun appoġġjat mill-Gvern, l-Oppożizzjoni u mis-soċjetà ċivili kollha. Assigurat li sakemm iħalluha Chairperson tal-Kumitat, se tibqa’ taħdem għal governanza li twessa’ d-demokrazija.

Il-Gvern irid ikun hu li jagħti l-brief tal-iżvilupp lill-investitur barrrani u mhux bil-kontra
Appellat lill-Gvern biex ikun hu li jagħti l-brief tal-iżvilupp lill-investitur barrrani u mhux ikun l-investitur li jagħti l-brief lill-Gvern.

Ma tridx gvern li jgħid ħaġa u jagħmel oħra
Id-Deputat Laburista temmet l-appelli tagħha bi stqarrija li ma tridx gvern li jgħid ħaġa u jagħmel oħra.