It-timijiet tal-Hibernians tal-irġiel u n-nisa, immexxija mill-President tal-klabb Tony Bezzina, illum waranofsinhar kellhom laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali. Matul il-laqgħa informali, Simon Busuttil tkellem mal-plejers u l-Uffiċjali dwar l-istaġun tal-Kampjonat Premier, li spiċċa aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-President ta’ Hibernians FC Tony Bezzina qal li permezz tal-futbol u kull sport ieħor jippruvaw iġibu l-għaqda fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid. Flimkien mal-bqija tal-Amministrazzjoni tal-klabb, Bezzina ppreżenta lill-Kap tal-Oppożizzjoni banner bl-arma tal-klabb u l-flokk li bih iċċelebraw ir-rebħ tal-11-il Kampjonat Premier.
Anke t-tim tal-futbol tan-nisa din is-sena kellu staġun ta’ suċċess, hekk kif rebaħ id-double bir-rebħ tal-Kampjonat u tan-Knock-out. Barraminhekk, it-tim tal-U/19 tal-irġiel rebaħ il-Kampjonat, filwaqt li diversi unuri marru wkoll għat-timijiet f’dixxiplini oħrajn, bħall-basketball tal-irġiel u n-nisa.
Issa, Hibernians jonqoshom il-Finali tal-FA Trophy, li għaliha għaddejjin preparamenti minn Hibs u anke mill-avversarji tagħhom Birkirkara.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport David Agius u x-Shadow Minister Jason Azzopardi, li hu wkoll partitarju ta’ Hibernians FC.
//= $special ?>