Hekk kif fix-Xlokk tal-Asja hemm kriżi ta’ immigrazzjoni bil-baħar, il-Malasja u l-Indonesja qablu li joffru kenn temporanju lil madwar 7,000 immigrant li nqabdu bejn sema u ilma fil-Baħar ta’ Andaman.
F’dawn l-aħħar ġranet inħolqot kriżi hekk kif eluf ta’ immigranti, fil-maġġoranza tagħhom mill-grupp etniku Rohingya mill-Mjanmar, jew mill-Bangladesh, bdew jinstabu abbandunati fuq xi laneċ fil-baħar. Fil-maġġoranza tagħhom wara li kienu tgħabbew fuq vjaġġ lejn il-Malasja, imma spiċċaw abbandunati mill-organizzaturi tal-vjaġġ f’nofs ta’ baħar.
F’dawn l-aħħar ġranet madwar 3,000 persuna żbarkaw f’pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja imma ħafna aktar ma tħallewx jidħlu.
Min-naħa l-oħra, it-Tajlandja qalet li l-pożizzjoni tagħha se tibqa’ l-istess u mhix se tagħti kenn.
Ilbieraħ aktar minn 400 persuna kienu salvati barra l-kosta ta’ Aceh fl-Indonesja.
Jaqblu dwar is-salvataġġ tal-immigranti fix-Xlokk tal-Asja
