Il-Ministru Helena Dalli ma tweġibx
Il-Ministru Helena Dalli baqgħet twieġeb fil-Parlament bl-istess mod u ma tweġibx għall-mistoqsija ripetuta tal-Oppożizzjoni biex tikkonferma jew le jekk il-vot ta’ nofs miljun ewro lill-MEUSAC għall-Kunsilli Lokali għadux jiġi allokat minn dan il-Gvern kif kien isir mill-gvern preċedenti.
Il-Ministru Helena Dalli wieġbet biss li l-fondi jitqassmu kif jara li hu meħtieġ il-MEUSAC.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar insista fil-bidu tas-seduta tal-lejla mal-Ministru, biex twieġeb il-mistoqsija ċara u sempliċi biex tikkonferma jekk il-flus li kienu jiġu allokati mill-Gvern lill-MEUSAC għall-Kunsilli Lokali, għadux illum ta’ nofs miljun ewro, u jekk dawn il-fondi humiex jingħataw.
Bil-Ministru Dalli tibqa’ twieġeb bl-istess mod u ma tbiddel xejn u ma żżid xejn fit-tweġiba tagħha, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea baqa’ jitlob lill-Ministru twieġeb għall-mistoqsija, u bid-Deputat Nazzjonalista David Agius jistaqsi wkoll lill-Ministru tgħid kemm tqassmu fondi mill-MEUSAC lill-Kunsilli Lokali.
Il-Ministru Helena Dali talbet lill-Oppożizzjoni jressqu l-mistoqsijiet bil-miktub, u baqgħet tirrepeti l-istess tweġiba, li l-fondi jitqassmu kif jara li hu meħtieġ il-MEUSAC.
Tweġiba tal-Gvern, skont il-Liġi tal-Istampa
Fi stqarrija, bi tweġiba skont il-Liġi tal-Istampa, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, wieġeb li fil-Parlament il-Ministru Helena Dalli qalet li l-fondi allokati lill-MEUSAC jitqassmu kif jara li hu meħtieġ il-MEUSAC biex tkun tista’, fost l-oħrajn, tingħata l-assistenza meħtieġa lill-Kunsilli Lokali biex jakkwistaw fondi tal-UE.
Fl-istqarrija, il-Gvern qal li mindu reġa’ ġie attivat fl-2008, il-MEUSAC qatt ma ngħata fondi biex iqassam lill-Kunsilli Lokali. Qal li dan il-fond qatt ma eżista u li l-Oppożizzjoni qed tqarraq meta tagħmel referenza għal xi fondi allokati mill-Gvern preċedenti għall-Kunsilli Lokali f’dan ir-rigward.
Il-mandat tal-MEUSAC hu li jgħin lill-Kunsilli jakkwistaw fondi tal-Unjoni Ewropea u l-fondi allokati lill-MEUSAC jitqassmu kif jara li hu mehtieg il-MEUSAC, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>