Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Liġi antidemokratika u antiliberali minn Gvern Laburista

Liġi dwar il-Kunsilli Lokali li jgħid li la hi moderata u wisq inqas progressiva

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sejjaħ il-liġi li biha l-Gvern se jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2017, bħala liġi għalkollox antidemokratika li hija ta’ għajb għall-gvern li qed jippreżentaha.

“Hija liġi li turi li l-Gvern Laburista hu insensittiv għall-prinċipji bażiċi li jgħaqqdu lis-soċjetà tagħna, bħalma huwa l-prinċipju tad-demokrazija”, saħaq il-Kap tal-PN fil-Parlament meta llejla tkellem dwar il-Liġi tal-Kunsilli Lokali.

Sejjaħ ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja li qed jippilota din il-liġi bħala Ministru li se jitniżżel fl-istorja mhux bħala l-Ministru li saħħaħ id-demokrazija lokali imma bħala l-Ministru li ħassar elezzjoni u dgħajjef id-demokrazija.

L-Oppożizzjoni hija kontra din il-liġi bil-qawwa u se tivvota kontra tagħha għax ma tistax taqbel ma’ liġi li hija pass lura flok pass ’il quddiem għad-demokrazija tagħna.

Appella lin-nies u lill-media biex huma wkoll jirreġistraw in-nuqqas ta’ qbil tagħhom għax wara kollox huwa d-dritt tagħhom tal-vot li qed jitnaqqar b’din il-liġi.

Il-filosofija politika ta’ dan il-Gvern hi li l-poter iridu f’idejh u mhux f’idejn in-nies
Simon Busuttil qal li hemm raġuni waħda wara din il-liġi – li l-filosofija politika ta’ dan il-Gvern hi li l-poter iridu f’idejh u mhux f’idejn in-nies, irid jiċċentralizza l-poter f’idejh flok f’idejn in-nies.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li din hija wkoll inizjattiva oħra li l-Gvern m’għandux mandat elettorali għaliha, u dan il-gvern issa qed jeħodha drawwa joħroġ b’inizjattivi li bl-ebda mod ma jkollu mandat biex jagħmilhom.

“Jekk qatt konna ħsibna li l-Partit Laburista kien ikkonverta u sar jemmen fil-Kunsilli Lokali, din il-liġi qed twaqqa’ l-maskra darba għal dejjem u tikxef dak li l-Gvern Laburista tassew jaħseb dwar il-kunsilli. Gvern li ma jemminx fil-Kunsilli Lokali, li ma jemminx fil-kunsillieri lokali, li ma jemminx fis-servizz lokali, li ma jemminx fid-demokrazija lokali u li ma jemminx fid-deċentralizzazzjoni tal-poter ħalli l-poter ikun qrib in-nies”.

Simon Busuttil kompla li l-Gvern Laburista jemmen li l-poter għandu jkun f’idejh biss fi proċess li jġib in-nies tallaba quddiemu. Jemmen li ladarba l-Kunsilli Lokali qegħdin hemm u ma jistax ineħħihom, allura jnaqqsilhom l-importanza u l-awtorità tagħhom u jġibhom tallaba quddiemu.

Pjan ċar mill-Gvern li juri li l-Kunsilli Lokali għalih huma żejda
U l-pjan, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, huwa ċar. Il-Gvern qiegħed iwettaq dan billi jnaqqas il-flus lill-Kunsilli Lokali skont il-formola li hemm fil-liġi u li hi ndaqs għal kulħadd skont kriterji ċari u oġġettivi; qed idaħħal modi arbitrarji kif jagħti flus lill-Kunsilli Lokali billi jżid il-poter tal-Gvern Ċentrali ħalli jkun jista’ jagħti l-flus lil min irid hu u jġib il-kunsilli tallaba tiegħu; u qed ikompli jxerred l-idea li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huma żejda u allura l-Kunsilli Lokali nfushom huma żejda.

Simon Busuttil iddikjara li din il-liġi tixhed ċar li l-Kunsilli Lokali qegħdin fuq l-istonku ta’ dal-Gvern u fakkar kif li kien għall-Gvern, neħħa l-elezzjonijiet tal-Kunsilli li għadhom kemm saru fil-11 t’April.

Dawn li għaddew kienu elezzjonijiet li l-Gvern għamilhom grazzi biss għall-Partit Nazzjonalista wara pressjoni qawwija li għamel. Hu għall-istess raġunijiet li l-Gvern Laburista jrid ineħħi l-elezzjonijiet tal-2017.

Muscat qatta’ xhur sħaħ jgħid li jrid ineħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali
Il-Kap tal-PN fakkar li Joseph Muscat qatta’ xhur sħaħ jgħid li jrid ineħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li għadhom kif saru x-xahar li għadda għal raġunijiet banali.

Fakkar li Joseph Muscat qal li l-Gvern m’għandux flus biex jagħmel l-elezzjonijiet u agħar minn hekk qal li huma ħela ta’ flus, imma fejn irid il-Gvern isibhom il-miljuni. Dan huwa argument li f’demokrazija jista’ jitqies bħala perikoluż.

Muscat qatta’ wkoll xhur jgħid li n-nies għajjew jivvutaw. F’Malta fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli li saru waħedhom, fl-2012, ivvutaw 60%, daqs kemm ivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali fl-Ingilterra fl-2001 u fl-2005. Bl-istess raġunament ta’ Muscat, ineħħu l-elezzjonijiet ġenerali fl-Ingilterra.

Dawn, qal Simon Busuttil, naturalment kienu raġunijiet fażulli għax il-Prim Ministru għal min irid għandu flus u l-poplu tah risposta fil-11 t’April meta mhux talli n-nies ma kinux għajjenin, imma talli vvutaw 68% u meta tneħħi r-residenti barranin issib li vvutaw 78%. Aktar minn tliet kwarti ma kinux għajjenin kif riedhom il-Prim Ministru.

Simon Busuttil saħaq li fil-verità Muscat ried ineħħi l-elezzjonijiet li saru fil-11 t’April għax irid jiċċentralizza l-poter f’idejh u ma jħallihx f’idejn nies qrib in-nies.

Id-demokrazija ma tistax temmen fiha biss meta jaqbillek
F’dan il-kuntest, il-Kap tal-PN wissa li d-demokrazija ma tistax temmen fiha biss meta jaqbillek. L-Oppożizzjoni temmen fiha dejjem – fil-kunsilli lokali li waqqfet hi, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jsiru f’Malta bis-saħħa tas-sħubija li ġab il-PN u li Joseph Muscat kien kontriha, u anke bir-referendum abrogattiv imdaħħal minn Gvern Nazzjonalista.

“L-argument tagħna rebaħ għax il-Partit Nazzjonalista kellu raġun”, qal Simon Busuttil li saħaq li bħalma l-PN kellu raġun li l-elezzjonijiet tal-2015 ma kellhomx jitneħħew, l-elezzjonijiet programmati għall-2017 bil-liġi miftehma bejn iż-żewġ naħat, ukoll m’għandhomx jitneħħew.

Tibdil f’elezzjonijiet dejjem sar bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, saħaq Simon Busuttil, u qatt b’mod arbitrarju għax iddeċidiet in-naħa tal-Gvern waħidha.

Id-dritt tal-vot li diġà jeżisti qed jitneħħa
Il-Gvern illum qed ikisser il-kunċett li l-liġijiet elettorali m’għandhomx ikunu kontenzjużi imma jsiru bi qbil għax dawn jirrigwardaw id-dritt taċ-ċittadini li jtellgħu lil min iridu biex imexxihom u mhux xi dritt tal-politiċi li jikkmandaw.

Agħar u agħar, qal Simon Busuttil,b’din il-liġi d-dritt tal-vot li diġà jeżisti qed jitneħħa. Fil-grupp ta’ lokalitajiet li eleġġew il-kunsill tagħhom fl-2013 in-nies ivvutaw għal kunsill b’terminu ta’ erba’ snin imma issa l-Gvern se jtawwal dan it-terminu arbitrarjament u unilateralment u jneħħi d-dritt tal-vot fl-2017.

Liġi qed tneħħi d-dritt tal-vot ukoll liż-żgħażagħ
Fuq kollox, din il-liġi qed tneħħi d-dritt tal-vot ukoll liż-żgħażagħ li se jkollhom 16 jew 17 fl-2017. Dan meta dwar dan kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat wara l-proposta li kienet ħarġet mill-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN) fl-2008.

Dan kollu n-nies ma jriduhx, saħaq il-Kap tal-PN, li kompla li f’konsultazzjoni li għamel il-Gvern kienu biss 40 ruħ li taw l-opinjoni tagħhom u minn dawn kienu biss 11 li qablu mal-Gvern. Bħas-soltu, dal-Gvern – li jgħid li jisma’ – qed jisma’ biss lilu nnifsu. L-eżerċizzju ta’ taparsi konsultazzjoni kien biss daħqa fil-wiċċ.

L-Oppożizzjoni lanqas mhi qed taqbel li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli jsiru darba kull ħames snin mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-ewwel nett, it-terminu ta’ erba’ snin għall-Kunsilli Lokali huwa biżżejjed, u li jiġġebbed għal ħames snin hu żejjed. Ħames snin hu t-terminu għal elezzjoni nazzjonali.

M’hemmx qbil li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru dejjem mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
It-tieni, l-Oppożizzjoni tħoss li meta nivvutaw f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew l-elettorat jikkonċentra fuq dak li rridu naraw lill-Parlament Ewropew jagħmel. U meta nivvutaw għall-Kunsilli Lokali nikkonċentraw fuq dak li rridu lill-Kunsilli Lokali jagħmlu. Jekk l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kollha se jibdew isiru dejjem mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, hu ċar li l-iskop tal-Gvern hu li jnaqqas dejjem aktar l-importanza tal-Kunsilli Lokali.

L-Oppożizzjoni għandha viżjoni għad-demokrazija lokali
Simon Busuttil qal li l-viżjoni tal-Oppożizzjoni għad-demokrazija lokali hi għalkollox differenti.

“Aħna nemmnu li n-nies għandu jkollhom aktar – mhux anqas – poter f’idejhom u rridu nnaqqsu l-poter tal-politikanti, mhux inżiduh. Għalhekk dejjem emminna f’istituzzjonijiet b’saħħithom li jikkontrollaw il-politikanti u mhux jilagħquhom. U għalhekk aħna l-partit tal-Kunsilli Lokali.”

Spjega wkoll li l-viżjoni tal-PN għad-demokrazija lokali hi li jagħti importanza lill-elezzjonijiet u l-votazzjonijiet ta’ kull tip u mhux inneħħuhom.

Il-viżjoni għall-Kunsilli Lokali hi li nagħmlu lill-Kunsilli aktar awtonomi mill-Gvern tal-ġurnata u mhux dipendenti fuqu.
Viżjoni oħra hi li jiżdiedu l-flus lill-Kunsilli Lokali u mhux innaqqsulhom il-flus kif qed jagħmel dan il-Gvern.

L-Oppożizzjoni temmen li rridu nkunu innovattivi fil-mod kif jiżdiedu l-mezzi finanzjarji tal-Kunsilli. Diġà pproponiet li parti mill-ħlas għal-liċenzja tal-karozza tmur għall-Kunsill Lokali fejn hija reġistrata l-karozza.

“Jekk irridu ngħixu stil ta’ ħajja aħjar, bilfors irridu nżidu l-flus lill-Kunsilli Lokali u nagħtuhom aktar responsabbiltajiet ħalli jibnu komunitajiet ħajjin u jieħdu ħsieb l-aktar gruppi vulnerabbli fil-komunitajiet tagħna”, saħaq il-Kap tal-PN.

Il-viżjoni tal-PN għall-Kunsilli Lokali hi li jkunu hemm mhux biss għat-toroq u l-bankini imma biex jibnu komunitajiet ħajjin fejn kulħadd iħossu inkluż u kulħadd ikollu l-mezzi qrib tiegħu kif ikun inkluż.

Viżjoni oħra importanti għall-Kunsilli hi kif se nagħmluhom atturi importanti fil-kura tal-ambjent fejn ikollhom rwol effettiv ħafna u mhux kif qed isir issa bil-Gvern jirrombla anke fuq Kunsilli fejn hemm maġġoranza Laburista.

Semma wkoll il-viżjoni għall-Kunsilli fir-rigward ta’ Transport Malta u l-MEPA li jridu jisimgħuhom aktar u mhux kif qed isir bħalissa fejn il-Gvern stess qed jara kif jiddenigra u jkażbar l-idea nnifisha tal-Kunsilli Lokali.

Il-viżjoni wkoll tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali hi kif se jikkoperaw bejniethom b’mod aktar effettiv, u kif se nindirizzaw aktar fondi Ewropej lejhom ħalli l-komunitajiet lokali tagħna jgawdu mill-€2,500 miljun li Malta kisbet mill-Ewropa bis-saħħa tas-sħubija.

Il-Gvern jemmen f’komunitajiet tallaba quddiemu
“Dan li messu hawn f’dil-liġi, u mhux dak li jrid il-Gvern li jnaqqsilhom l-importanza għax ma jemminx f’komunitajiet ħajjin imma jemmen f’komunitajiet tallaba quddiemu”, saħaq il-Kap tal-PN Simon Bususttil.

Din hi ligi, kompla Simon Busuttil, li tkompli turi li l-Gvern ma jemminx fid-demokrazija, ma jemminx fid-deċentralizzazzjoni tal-poter u jrid ineħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biex flok isaħħaħ il-poter taċ-ċittadin, idgħajjef is-saħħa taċ-ċittadin – eżatt bil-maqlub ta’ dak li jemmen il-Partit Nazzjonalista.

Gvern li jidher li se jkompli jirrombla u jibqa’ għaddej
“Flok jiddeċentralizza l-poter, dan il-Gvern qed jiċċentralizza l-poter f’idejh. Għalhekk ma naqblux ma’ din il-liġi, u mhux b’kapriċċ”, qal Simon Busuttil, waqt li kompla li minkejja l-Oppożizzjoni tal-PN, il-Gvern jidher li se jkompli jirrombla u jibqa’ għaddej.

“Meta qed jirrombla dawn id-deċiżjonijiet bla qbil mal-Oppożizzjoni, il-Gvern mhux qed jirrombla fuq l-Oppożizzjoni imma fuq in-nies għax qed jisirqilhom id-dritt tal-vot, dritt li hu sagrosant f’demokrazija liberali. In-nies hemm barra qed isegwuna fil-kwiet ta’ darhom – imma m’għandix dubju li mhumiex qed jieħdu gost jaraw lis-suppost Moviment li qed imexxihom jeħdilhom il-vot tagħhom – mossa antidemokratika u antiliberali li la hi moderata u wisq anqas progressiva” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.