Ambjent Knisja Lokali

Mhux kulma jleqq hu deheb – il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dwar il-proġett fiż-Żonqor

Iż-Żonqor - wieħed miż-żewġ siti tal-Universita' Amerikana

Mhux kulma jleqq hu deheb. Din hi r-reazzjoni tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fi ħdan il-Knisja f’Malta għall-proposta li tinbena Università fiż-Żonqor, f’Wied il-Għajn. Fir-reazzjoni, il-Kumissjoni ssostni li mhix kontra investiment fis-settur edukattiv, iżda hi kontra li l-iżvilupp isir fiż-Żonqor.

Il-Kummissjoni qalet li ma tistax tifhem kif filwaqt li l-Gvern joħroġ tenders għal irqajja’ ta’ art jew binjiet relattivament żgħar, fil-każ taż-Żonqor ġie deċiż li jintgħażel żviluppatur u jingħata 90 tomna art mingħajr l-ebda proċess ta’ kompetizzjoni.

Qalet ukoll li tistenna li tiġi mfassla strateġija ta’ żvilupp għall-edukazzjoni terzjarja f’Malta, li tikkunsidra t-tagħlim akkademiku għall-Maltin u għall-barranin. Jekk proġett bħal dak propost ikun jissodisfa din l-istrateġija, imbagħad jibda l-proċess li permezz tiegħu tinstab art għalih. Fl-istqarrija jissemma’ kif il-proġett jiffoka wisq fuq l-impatt ekonomiku, li fl-aħħar mill-aħħar mhux bilfors jissarraf f’titjib fil-kwalità tal-ħajja għan-nies fil-qrib.

Il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk il-MEPA insietx l-obbligazzjonijiet regolatorji tagħha u l-policies tal-Pjan Lokali, filwaqt li ssemmi li l-proġett ma jagħti kas l-ebda valur tal-kampanja Maltija. Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent diġà għaddiet il-ħsibijiet tagħha lill-iżviluppaturi, filwaqt li appellat lil DePaul University biex tkun ċara mal-iżviluppaturi għat-trasparenza f’dak li qed jipproponu. B’hekk, fl-aħħar mill-aħħar, ikun evitat l-impatt ħażin fuq l-ambjent ta’ pajjiżna.

L-istqarrija temmet tgħid li meta proġett kbir jitħabbar għall-għarrieda, bħal dak propost fiż-Żonqor, minflok ma jħalli reazzjoni tajba jispiċċa joħloq xokk negattiv, kif fil-fatt ġara.