Fid-difiża li qed jagħmel biex jiddefendi lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo dwar l-allegat abbuż ta’ poter b’xogħol fil-privat minn ħaddiema u b’materjal tal-Gvern, Joseph Muscat qed jigdeb. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha fakkar kif waqt il-programm “Reporter” tat-Tnejn li għadda, Muscat qal li għal kull każ li ġie żvelat fil-media, Anton Refalo wieġeb u ċaħad id-dettalji tal-każ.
Madankollu, Beppe Fenech Adami qal li dan m’huwiex minnu, tant li għall-maġġoranza tal-każi żvelati, Anton Refalo żamm ħalqu magħluq u ma weġibx. Staqsa għaliex Muscat qed jigdeb biex jiddefendi lil Anton Refalo, b’dan il-fatt jaf ifisser li l-Prim Ministru kien jaf mill-bidunett dwar l-allegati abbużi li qed isiru f’Għawdex u għalhekk issa ma jista’ jagħmel xejn.
Beppe Fenech Adami spjega li mill-għaxar rapporti li saru s’issa fil-media, il-Ministru Anton Refalo wieġeb biss għal tlieta, iżda baqa’ fommu sieket dwar is-sebgħa l-oħra. Staqsa xi jfisser dan is-silenzju ta’ Anton Refalo, filwaqt li nsista li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jserraħ moħħ il-poplu Malti u Għawdxi li l-investigazzjonijiet dwar l-allegati każi ta’ abbużi jinsabu għaddejjin.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li l-persuna li qed tiġi investigata għad għandha aċċess biex faċilment taħbi, twarrab, tagħti u tbagħbas kull evidenza li jista’ jkun hemm, minflok ma tinżamm ‘il bogħod mill-evidenza li jista’ jkun hemm. Dan irendi l-pożizzjoni ta’ Anton Refalo bħala waħda mhux aktar tenibbli u l-Prim Ministru għandu jneħħih minnufih.
Madankollu, sostna Beppe Fenech Adami, għandna Prim Ministru li qed jigdeb biex jiddefendi lil Anton Refalo.
//= $special ?>