Kurżitajiet

Omm li rebħet €200 miljun tagħti €4 fil-ġimgħa lil uliedha

Omm, li f’Awwissu tal-2012 kienet rebħet kważi €200 miljun f’lotterija, tagħti biss €4 fil-ġimgħa kull wieħed liż-żewġ uliedha bħala pocket money bil-għan li jitgħallmu x’jiġifieri li tfaddal u tuża l-flus.

Gillian u, dakinhar żewġha, Adrian Bayford kellhom f’idejhom il-biljett rebbieħ ta’ lotterija li bidlitilhom ħajjithom, fit-tajjeb u fil-ħażin. Il-koppja spiċċaw isseparaw 15-il xahar wara li rebħu s-somma minħabba l-istress qawwi li ġabet magħha l-fortuna l-ġdida.

Gillian ħalliet ix-xogħol li kellha, ta’ care assistant bil-lejl u investiet €4.6 miljun fi propjetà. Adrian ukoll ħalla l-ħanut ta’ mużika second-hand u nefaq €2.8 miljun fi stalel ta’ żwiemel. Il-missier illum għandu tfajla oħra, 16-il sena iżgħar minnu, li kienet taħdem fi stalel taż-żwiemel.

L-omm madankollu qed tisħaq li trid li uliedha, Aimee ta’ 9 snin u Cameron ta’ 7 snin, ikollhom trobbija kemm jista’ jkun normali. Il-flus kull ġimgħa ttihomlhom jekk jimxu maż-żewġ kundizzjonijiet, li jżommu kamarthom nadifa u jagħmlu s-sodda kull filgħodu. Qalet li ma tridx li uliedha jkunu mfissdin sempliċement għax hi għandha l-flus.

Il-koppja, oriġinarjament, kienu ċċelebraw ir-rebħa tagħhom billi marru vaganza bil-caravan. Il-missier kien qal li kien ried jibqa’ jmexxi l-ħanut tiegħu tad-diski li kien irnexxielu jwaqqaf b’tant sagrifiċċji mix-xogħol ta’ qabel tiegħu bħala bejjiegħ tal-monti. Imma kien qal li kien wasal għall-esasperazzjoni bil-ħafna nies li kienu jmorru jitolbuh jislifhom il-flus.