Marlene Farrugia takkuża lil Deborah Schembri li ma riditx tagħti opportunità lill-għaqdiet ambjentali jitkellmu
L-għaqdiet ambjentali Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth ipproponew li ż-żoni ‘l barra mill-iżvilupp għandhom ikunu dikjarati fil-liġi li mhu se jintmessu, u qed jistaqsu għaliex il-proġetti fuq skala nazzjonali qed jiġu kkunsidrati f’żoni ‘l barra mill-iżvilupp.
Il-proposti tal-għadiet ambjentali tressqu f’seduta tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar li lbieraħ iddiskuta d-dokument ta’ viżjoni tal-gvern dwar l-ambjent.
Iċ-Chairman u deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li dan hu kumitat li fih suppost issir konsultazzjoni dwar il-viżjoni tal-gvern dwar l-ambjent u sostniet li l-emenda dwar it-transizzjoni għandha tkun aċċettata. Hi tkellmet favur politika li fiha l-proġetti, bħal skejjel, isiru f’żoni urbani jew f’żoni diġa’ użati.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li diġa’ kien hemm stadju ta’ konsultazzjoni li fil-fatt kien imtawwal iżda issa hemm diversi sottomissjonijiet li waslu għandu saħansitra ftit qabel il-laqgħa tal-bieraħ. Hu qal li l-gvern ippreżenta sitt policies dwar diversi setturi u qed jippjana sitt policies oħra. Michael Falzon qal li l-gvern hu impenjat li ma jikbirx il-qafas li fih isir żvilupp.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-ewwel kellha titfassal il-viżjoni fit-tul u wara jsiru l-policies. Ix-Shadow Minister Marthese Portelli qalet li jidher li hawn qbil li jkunu konservati ż-żoni ‘l barra mill-iżvilupp iżda l-liġi għandha tispefiċika li ż-żoni rurali għandhom ikunu kkunsidrai bħala l-aħħar alternattiva wara li jkunu kkunsidrati l-għażliet kollha.
Iċ-Chairman Marlene Farrugia qalet li dan hu l-mod kif l-art rurali tista’ tkun protetta għaliex tul is-snin din l-art kienet sfruttata b’diversi proġetti. Hi appellat biex ir-riformi jsiru b’mod trasparenti u kontabbli.
L-uffiċjali ta’ Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth ressqu l-oppożizzjoni tag]hom għall-fatt li l-proposti tagħhom ġew injorati kompletament.
Dwar dan tkellmet ukoll ix-Shadow Minister Marthese Portelli li appoġġjat il-pożizzjoni tal-għaqdiet ambjentali u sostniet li l-fatt li dawn l-għaqdiet reġgħu ħadmu fu soluzzjonijiet oħra għandu jsib l-appoġġ.
Id-Deputat Laburista Deborah Schembri qalet li kieku l-proposti li tressqu issa jkunu aċċettati jkun qed jinħoloq preċedent ikrah.
Iċ-Chairman Marlene Farrugia qalet kienet jidher ċar li kien hemm nuqas ta’ konsultazzjoni u kien għalhekk li l-Kumitat reġa’ ta opportunità lill-għaqdiet volontarji biex isemmgħu leħinhom biex itejjbu l-aktar dokument importanti għas-snin li ġejjin.
Hi qalet li mhux aċċettabbli xi ħadd mill-Moviment (Laburista) jgħid li ħoloq preċedent ikrah. Marlene Farrugia ndirizzat lid-deputat Laburista Schembri u qaltilha li kieku kienet hi ma kinitx tagħti l-opportunità li l-għaqdiet ambjentali jitkellmu.
Id-deputat Laburista Godfrey Farrugia appoġġja l-pożizzjoni tal-għaqdiet ambjentali u qal li Malta m’għandhiex kollha ODZ iżda għandu jinstab bilanċ.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li mhux minnu li kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni għaliex kull għaqda jew ċittadin kellu l-opportunità li jitkellem, tant li l-perjodu ta’ konsultazzjoni kienet irduppjata.
Id-deputat Schembri qalet li hi temmen fil-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-kontestazzjoni tagħha hi biss dwar il-bżonn li mhux biss isiru l-proposti iżda li l-proposti jsiru skont ir-regoli u l-ġranet stipulati.
Il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat tkellem favur id-diskussjoni skont ir-regoli u qal li l-gvern għandu jkun jaf kemm kien hemm sottimissjonijiet li nibtu fl-aħħar ġranet u kemm kien hemm proposti li saru fl-aħħar ġimgħat. Hu qal li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-proposti oriġinali u l-oħrajn.
Iċ-Chairman Marlene Farrugia qalet li mhix tgħid li ma kienx hemm konsultazzjoni iżda se taħdem biex il-konsultaazzjoni ma tkunx waħda finta.
//= $special ?>