Deċiżjoni dwar it-tibdil fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li l-Gvern qed jieħu waħdu
Ix-Shadow Minister Claudio Grech appella lill-gvern iressaq fil-Parlament programm kif se jevolvi u jsaħħaħ il-Kunsilli Lokali bl-Oppożizzjoni tkun parteċipi u attiva bi proposti li bihom l-interess tar-residenti jiġi l-ewwel.
L-appell ta’ Claudio Grech, Shadow Minister għall-Ekonomija, lill-Gvern sar fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproponi mingħajr qbil mal-Oppożizzjoni, tibdil fis-sistema tal-elezzjonijiet lokali u biex it-terminu tal-Kunsilli Lokali jitwal b’sena għal ħames snin.
B’rabta mal-proposta tal-Gvern li jtawwal iż-żmien tal-Kunsili Lokali u ma jagħmilx l-elezzjonijiet li jmiss fl-2017, ix-Shadow Minister qal li l-Oppożizzjoni temmen li dan mhux progress demokratiku iżda rigress, id-demokrazija tkun qed titnaqqar u l-parteċipazzjoni demokratika tal-poplu flok tissaħħaħ tiddgħajjef.
Quddiem l-ewwel skuża li ġab il-Gvern li l-poplu għejja jivvota u li għalhekk kien qiegħed jipproponi li jżid iż-żmien tal-Kunsilli Lokali u jtawwal l-elezzjonijiet, ir-risposta tal-elettorat lill-Gvern ingħatat meta fl-elezzjonijiet tax-xahar li għadda reġa’ ħareġ jivvota bħall-elezzjonijiet ta’ qabel.
Filwaqt li l-Gevrn wera li għandu flus biex jagħti bail out lil kumpanija falluta fil-każ ta’ Cafè Premier, u taha €4.2 miljun, għall-elezzjonijiet lokali qal li m’hemmx flus. Fisser dan bħala sintomu wieħed tal-falliment demokratiku ta’ dan il-Gvern.
Il-Gvern naqas li jaħdem għall-kunsens tal-Parlament
Ix-Shadow Minister semma li rigress demokratiku ieħor sar għaliex dan il-Gvern naqas li jaħdem għall-kunsens tal-Parlament. Spjega li kemm f’emendi li saru fil-passat dwar il-Kunsilli Lokali kif ukoll fl-aspetti elettorali dejjem instab kunsens, u din hi l-ewwel darba li l-gvern qed jieħu deċiżjonijiet waħdu.
Spjega li dan hu riflessjoni kif il-Gvern iħares lejn il-Kunsilli Lokali. Il-Gvern mhux juri li l-Kunsilli Lokali huma ċentrali fil-politika tiegħu. Għalih, l-ewwel il-Gvern u wara jaħseb fil-kunsilli.
Semma li minn Ġunju tal-2014 sal-lum, kien hemm biss tliet stqarrijiet uffiċjali dwar il-Kunsilli lokali minn lista elettronika ta’ 47 stqarrija li ħarġet mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali. Waħda mit-tliet stqarrijiet kienet biex tħabbar li se jipposponu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Żied ukoll li mill-websajt tal-Gvern tal-Kunsilli lokali, jirriżulta li l-aħħar aħbar kienet sitt xhur u nofs ilu.
In-nies għandhom moħħ biex jaħsbu dwar ir-raġuni vera tal-Gvern li ma jridx l-elezzjonijiet fl-2017
Irrimarka li n-nies għandhom moħħ biex jaħsbu dwar ir-raġuni vera tal-Gvern li ma jridx dawn l-elezzjonijiet fl-2017. Kien jistenna lill-Gvern iressaq strateġija dwar fejn se jieħu lill-Kunsilli Lokali u kif se jagħti aktar responsabbiltajiet lill-Kunsilli Lokali. Fisser li sfortunatament, dwar dan minn dan il-Gvern ma tisma’ xejn.
Appella għar-responsabbiltà politika dwar il-Kunsilli Lokali li tagħti leħen u vuċi lill-kunsilli lokali fil-Kabinet. Appella wkoll lill-Gvern jerġa’ jiġbed lura fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern, is-settur tal-politika tal-kunsilli lokali.
Dwar il-finanzjament tal-Kunsilli Lokali, Claudio Grech saħaq li jistgħu jiġu finanzjati b’mod aħjar u mingħajr taxxi fuq livell lokali. Staqsa jekk għandniex nikkunsidraw li parti mill-VAT li tinġabar fil-lokalitajiet tmur għal proġetti li minnhom jibbenefikaw il-lokalitajiet.
Semma wkoll il-politika dwar il-qasam tad-djar u saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw rwol importanti u ċentrali f’dan is-settur soċjali.
Dwar l-aspett tas-sigurtà fil-lokalità li hu element li ma jistax jibqa’ ċentwlieni fuq l-infurzar tas-sigurtà fil-lokalità, Claudio Grech qal li ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn infurzar bil-gwardjani lokali biss biex jagħtu ċ-ċitazzjonijiet. Fisser li kull Kunsill Lokali għandu motivazzjoni politika mal-mandat mir-residenti biex isaħħaħ l-aspett fl-infurzar tal-liġijiet.
Appella lill-Gvern biex infasslu l-evoluzzjoni li jmiss fil-governanza lokali u naraw kif nirriflettu l-importanza fil-prattika, u l-Parlament jara kif il-poter jitlaq miċ-ċentru u jkun fih aktar sussidjarjetà u l-gvern lokali jkun aktar jaħdem mas-soċjetà ċivili.
//= $special ?>