Lokali

Arrestat wieħed minn tliet ħallelin li heddew żewġ nisa b’sikkina

Wieħed minn tliet suspettati li allegatament żammew u heddew żewġ nisa b’sikkina qabel ma serqu l-karozza ta’ waħda minnhom il-lejl li għadda, kien arrestat wara li l-aggressuri ntlemħu waqt ronda ftit tal-ħin wara.

Kien għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu li l-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema kienu infurmati illi kienet insterqet vettura minn Triq il-Ġnien, il-Gżira.

Hemmhekk, sabu sid il-karozza, mara ta’ 41 sena, li stqarret li kienet fuq l-għatba ta’ residenza meta ħebbew għaliha tliet ġuvintur li sussegwentament imbuttawha ‘l ġewwa u heddew lilha u mara oħra ta’ 68 sena. L-aggressuri allegatament ħadulhom żewġt iskieken, telefon ċellulari, 50 ewro fi flus kontanti u xi ċwievet, anke ta’ vettura, li wara ittieħdet mill-ħallelin.

Kien ftit tal-ħin wara li l-vettura, Peugeot 306, intlemħet tinstaq fi Triq it-Torri, Tas-Sliema, mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Kif indunaw bil-preżenza tal-Pulizija, s-suspettati waqfu f’San Ġiljan, fejn ħarbu jiġru, b’wieħed minnhom, ġuvni ta’ ħmistax–il sena minn San Pawl il-Bahar, jinqabad mill-Pulizija.

Aktar stħarriġ għadu għaddej mill-Pulizija tad-Distrett u d-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali.