Wara anliżi teknika u quddiem ix-xogħlijiet strutturali li se jsiru fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Chris Fearne iddikjara li l-Isptar Matr Dei hu sigur biex jaħdem b’mod normali u li m’hemmx lok ta’ allarm.
Ir-rapporti ta’ problemi f’diversi strutturi tal-Isptar Mater Dei kienu trattati f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar mill-Ministru Konrad Mizzi u mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne flimkien ma’ uffiċjali tal-kumpanija Arup li għamlu r-rapport tekniku dwar l-istrutturi fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru tas-Saħħa Konad Mizzi qal li mhux każ li se jingħalqu xi swali u spjega li r-rapport tekniku tal-kumpanija Arup wasal għand il-Gvern fl-aħħar ġranet. Il-Ministru tas-Saħħa qal li l-Gvern diġa kiteb lil Skanska dwar is-sitwazzjoni tal-konkos tal-Isptar Mater Dei u sostna li l-ġimgha d-dieħla mistennija tkun konkluża l-inkjesta dwar id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Il-Ministru Mizzi qal li se jkun wara dik l-inkjesta li l-Gvern se jikkunsidra l-aspetti ta’ responsabbilta’ politika u legali. Dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Ipstar Mater Dei, il-Ministru tas-Saħħa sostna li m’hemmx perikli imminenti iżda hemm azzjonijiet li jridu jitieħdu.
L-uffiċjali ta’ Arup qalu li mill-istħarriġ li huma għamlu jirriżultalhom li l-konkos użat f’diversi taqsimiet tal-isptar Mater Dei ma kienx skont ir-rekwiżiti jew skont il-kwalita’ meħtieġa. Fost il-problemi li jrriżultaw hemm dik dwar is-sugurta’ tal-istruttura f’każ ta’ terremot.
Fost il-blokki li kienu analizzati hemm Blokka D, fejn hemm is-swali tal-pazjenti. Dwar l-isptar il-ġdid tal-onkoloġija, l-uffiċjali ta’ Arup ikkonfermaw li ma sabu xejn nieqes mir-rikjesti meħtieġa fil-konkos użat għall-bini ta’ dan l-isptar. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jitkellem ukoll mal-unions tal-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru Konrad mizzi qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati r-rapporti tal-inkjesta u dawk tekniċi magħluqa mill-kumpanija Arup.
//= $special ?>