Lokali

Filmat: Sit alternattiv jiddependi mill-approvazzjoni tal-iżviluppatur – Joseph Muscat

Għall-Prim Ministru Joseph Muscat, il-konsiderazzjoni aħħarija tal-post fejn se jsir il-proġett tal-universita’ hija l-approvazzjoni tal-iżviluppatur.

Joseph Muscat kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt żjara fil-lukanda Corinthia San Ġorġ. Hu kien mistoqsi kemm hu lest li ma jmissx l-art fiz-zona ta’ Żonqor fid-dawl tal-oppozizzjoni kbira fil-pajjiż li qed jiġbor dan l-iżvilupp.

Mistoqsi dwar il-bdiewa li hemm fl-inħawi, Muscat qal li dawn huma ftit u pprova jiżżuffjetta bihom meta qal li dawn jistgħu jiġu rilokati flok l-Isptar San Luqa.

Il-Prim Ministru ammetta li hi responsabbilta’ tal-Gvern li jistudja u jsib alternattiva għas-sit propost iżda insista li mill-inqas parti minnu jrid isir f’Marsaskala.

Mistoqsi jekk għandux fiduċja fil-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg, Joseph Muscat wieġeb iva.

Dan minkejja li kien il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA li ppropona s-sit taż-Żonqor, art li suppost hi protetta mill-MEPA stess.