Illum stess, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu joħroġ u jagħti garanzija lill-poplu Malti u Għawdxi li mhux se jkun qed imiss iż-żona ta’ Żonqor Point li l-ispekulaturi tal-Ġordan iridu li jibnu fuqha. Dan biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu rasu mistrieħa li ż-żona li minbarra li hija ODZ hija wkoll art verġni protetta bħala sit ekoloġiku u xjentifiku, se tibqa’ titgawda minn kulħadd.
Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus.
Marthese Portelli qalet li wara xahar ta’ kontroversja, issa huwa ċar li fil-pajjiż jeżisti moviment kbir u b’saħħtu li huwa kontra d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jħalli lill-ispekulaturi tal-Ġordan jiżviluppaw iż-żona taż-Żonqor. Fost dawk li qed jopponu d-deċiżjoni ta’ Muscat hemm il-Viċi Sindku Laburista ta’ Marsaskala, l-għaqdiet ambjentali, il-kaċċaturi, l-Arċisqof, l-istudenti, il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja, il-Kamra tal-Kummerċ, l-MEA, il-lekċerers, l-avukati, il-bdiewa u anke d-Deputat Laburista Marlene Farrugia.
“Issa, ma’ dawn,” qalet Marthese Portelli, “ngħaqad ukoll il-Ministru Evarist Bartolo li waqt il-programm Times Talk, għal darba darbtejn, qal li għandu jinstab sit alternattiv għal dan l-iżvilupp.” Marthese Portelli qalet li dan ifisser li issa anke fil-Kabinett tiegħu stess, Joseph Muscat għandu persuna li qed jinsisti li jinstab sit alternattiv.
Dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni li l-proġett jista’ jsir fiż-żona fejn kien hemm il-Petroleum Division tal-Enemalta f’Birżebbuġa, Ryan Callus qal li r-raġuni li ngħatat mill-Inġinier Robert Ghirlando hija eżattament fil-linja tal-pożizzjoni li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Il-proposta tal-Petroleum Division hija ideali għaliex minbarra li l-proġett ma jkunx sar f’art li hija verġni, iż-żona tkun iddikontaminata. “Hekk, b’ġebla waħda nkunu lqatna żewġ għasafar,” qal Ryan Callus.
Ryan Callus qal ukoll li l-Oppożizzjoni tikkundanna lid-Deputat Laburista Deborah Schembri li lbieraħ, waqt il-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, provat toħnoq il-vuċi tal-għaqdiet ambjentali fid-diskussjoni dwar l-iSPED (Strategic Plan for the Environment and Development).
“Li tiddeċiedi minn wara dahar kulħadd – kif għamel Muscat dwar iż-Żonqor – hija gravi biżżejjed, pero’ li ma tħallix lill-għaqdiet ambjentali jitkellmu huwa att ferm aktar gravi,” temm jgħid Ryan Callus.
//= $special ?>