Edukazzjoni Lokali

Isem seba’ studenti tal-Università jitniżżel fil-Lista tad-Dekan għal riżultati eċċellenti

Seba’ studenti mill-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta ntgħażlu sabiex isimhom jitniżżel fuq il-Lista tad-Dekan għar-riżultati eċċellenti li kisbu. Bank of Valletta ġedded is-sapport tiegħu f’din l-inizjattiva għall-ħmistax –il sena konsekuttiva.

“L-irwol tal-Bank of Valletta fil-komunità jmur lil hinn milli joffri servizzi finanzjarji. L-edukazzjoni tokkupa pożizzjoni ċentrali fi ħdan il-Programm għall-Komunità għaliex aħna nemmnu bi sħiħ fl-importanza tal-kollaborazzjoni lejn żvilupp ħolistiku tal-ġenerazzjoni li tielgħa. Għalhekk qed nagħtu s-sapport tagħna lill-istudenti li kisbu riżultati eċċellenti fl-istudji tagħhom.” qal John Paul Abela, Manager, Media and Community Relations tal-Bank of Valletta.

Sabiex jikkwalifikaw għal dan l-unur, l-istudenti jridu jiksbu riżultati eċċellenti fl-ewwel sentejn tal-istudji tagħhom fil-grad ta’ B.A jew B.A Honours.

Il-Professur Dominic Fenech, Dekan tal-Fakultà tal-Arti ngħaqad mas-Sur Abela u feraħ lill-istudenti għar-riżultati tagħhom filwaqt li rringrazzja lil Bank of Valletta għas-sapport kontinwu tiegħu.

Huwa enfasizza li huma biss l-aqwa studenti jiksbu post fil-Lista tad-Dekan. Ġeneralment dan jirriżulta fi student wieħed minn kull mija, iżda din is-sena, bħas-sena li għaddiet, ir-rata kienet ogħla. Dan huwa xhieda ta’ kwalità ogħla ta’ student, kif ukoll ta’ livell ta’ tagħlim fi ħdan il-Fakultà li qiegħed kulma jmur dejjem jitjieb. Prof. Fenech żied jgħid li r-riżultati tal-istudenti jmorru kontra l-perċezzjoni ta’ ħafna li l-livell tal-edukazzjoni huwa aktar baxx fin-nofsinhar ta’ Malta. Huwa tkellem fuq il-livelli ta’ sodisfazzjon fil-professjoni espress minn gradwati tal-Fakultà tal-Arti, filwaqt li kompla jżid li l-aqwa garanzija għal suċċess fil-karriera huwa l-abbiltà li teċċelle f’dak kollu li tagħżel li tagħmel. Id-Dekan faħħar ukoll lid-Dipartimenti akkademiċi tal-Fakultà, li tagħhom dawn l-istudenti kienu ambaxxaturi denji. Huwa kkonkluda billi rringrazzja mill-ġdid lil Bank of Valletta bħala l-isponser ta’ din l-attività.

L-istudenti li ġew mogħtija dan l-unur prestiġjuż huma Jonathan Camilleri, Eurcharist Gravina, Christine S. Kunkler, Christina Meli, Jonathan Polidano, Kay Polidano u Geraldine Sammut. Huma esprimew il-gratiduni tagħhom lejn il-Fakultà għas-sapport li tathom matul is-snin tal-istudji tagħhom.