Ekonomija Internazzjonali

Jikber id-distakk bejn is-sinjur u l-fqir fid-dinja

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) qalet li d-distakk bejn is-sinjur u l-fqir qed jikber b’mod konsistenti. Fl-istess ħin, l-OECD qed twissi li dan il-livell ta’ inugwaljanza jikkostitwixxi theddida għall-iżvilupp ekonomiku.
L-aħħar statistika wriet li fl-34 stat membru tal-OECD, l-10 fil-mija l-aktar sinjuri tal-popolazzjoni jiġġeneraw dħul meqjus bħala 9.6 darbiet akbar minn tal-ifqar 10 fil-mija.
Filwaqt li m’hemm l-ebda mudell stabbilit għall-inugwaljanza, il-maġġoranza tal-indikaturi jissuġġerixxu li l-livell tal-inugwaljanza kien naqas waqt il-kriżi finanzjarja u issa qed jikber mill-ġdid.
Ir-rapport tal-OECD, ibbażata f’Pariġi, isostni li parti mill-kaġun għal dan hi d-distakk akbar fil-qasam tal-edukazzjoni fl-aktar pajjiżi li jirriflettu l-kunċett tal-inugwaljanza; u ċ-ċirkostanzi qed iwasslu għal setturi anqas effettivi tal-ħaddiema.
L-istati membri tal-OECD jinkludu l-parti kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minbarra pajjiżi żviluppati bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u l-Ġappun.
Fost il-fatturi li l-OECD semmiet bħala l-kaġun wara l-ispinta fl-inugwaljanzi hemm iż-żieda tax-xogħol magħruf bħala ‘non-standard work’ li jinkludi kuntratti tax-xogħol temporanji u s-self-employment.
L-OECD qed tgħid li minn nofs is-snin disgħin ’l hawn, ’il fuq minn nofs l-impenji għat-tkattir tax-xogħol fil-pajjiżi membri tagħha jinvolvi l-ħidma ‘non-standard’.
Ir-rapport itenni li l-familji li huma dipendenti minn din il-kwalità tax-xogħol jirriflettu rati tal-faqar ogħla minn familji oħra u li dan qed iwassal għal element akbar ta’ inugwaljanza.
Intant, ir-rapport ikompli li s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji soċjali saru anqas effettivi f’termini ta’ ‘ridistribuzzjoni tad-dħul’.
Mill-banda l-oħra, wieħed mill-fatturi li qed jillimita l-ispinta fl-inugwaljanza hu l-ammont qed jikber tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.
Skont ir-rapport, wieħed mill-ftit reġjuni fejn ma żdiditx l-inugwaljanza fl-aħħar 30 sena hu l-Amerika Latina – anki jekk il-livelli tal-inugwaljanza fir-reġjun partikulari kienu ħafna ogħla matul is-snin preċedenti.