Lokali Parlament

Kumpanija waħda f’sentejn iddaħħal nofs miljun ewro f’kuntratti mill-Gvern

Maġġoranza kbira tax-xogħlijiet jingħataw mingħajr ebda offerta, bl-akbar ammont ta’ kuntratti jingħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-Oppożizzjoni qed tkompli tikxef il-kwantità ta’ kuntratti li qed jingħataw f’ammonti mhux żgħar lil kumpanija waħda u fil-maġġoranza kbira tagħhom mingħajr ebda ħruġ ta’ offerta. L-ammont s’issa, minn tliet Ministeri tal-Gvern diġà jlaħħaq u jaqbeż in-nofs miljun ewro, bl-akbar ammont ta’ xogħlijiet jingħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-gazzetta In-Nazzjon illum qed tiżvela kif mill-informazzjoni li x-Shadow Minister Jason Azzopardi qiegħed jitlob fil-Parlament, qed tkompli toħroġ il-kwantità kbira ta’ kuntratti li qed jingħataw lill-kumpanija TEC Malta Ltd.
Din il-kumpanija, tal-attivist kbir Laburista Charles Magro, ingħatat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biss, b’kuntratti ta’ xogħol li l-valur tagħhom jaqbeż l-ammont ta’ €313,800.
Din l-istess kumpanija ħadet ukoll minn wara l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2013 sal-lum, taħt dan il-Gvern Laburista, b’aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’xogħol li għamlet lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura, u Gvern Lokali; li aktar minn €179,000 minnhom ingħataw b’direct order. Fost dawn kien hemm xogħlijiet b’rabta mal-ikla li saret fir-residenza tal-Prim Ministru fil-Girgenti u li matulha kienu sajru u servew membri tal-Korp tal-Pulizija lid-delagati barranin li kienu qed jattendu konferenza f’Malta.

Il-Ministeru għall-Enerġja u s-saħħa wkoll ta kuntratti lill-istess kumpanija b’valur li jlaħħqu s-somma ta’ €20,430. Il-Ministru Konrad Mizzi għażel iżda, li ma jidentifikax liema kuntratti ngħataw mingħajr ma saret sejħa pubblika.

Din il-ġimgħa fil-Parlament, l-Oppożizzjoni kompliet tistaqsi lill-Gvern dwar xogħlijiet u kuntratti li qed jingħataw lill-kumpanja ta’ dan l-attivist Laburista.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa lill-Prim Ministru jwieġeb iż-żewġ mistoqsijiet li kien diġà għamel lill-Prim Ministru, u li kien għadu ma weġibx.

Jirriżulta s’issa mill-informazzjoni li kienet żvelata fuq l-insistenza tal-Oppożizzjoni, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta aktar minn €313,800 f’kuntratti.

47 kuntratt ta’ xogħol mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li 11 biss ingħataw b’sejħa pubblika
B’kollox ingħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru 47 kuntratt ta’ xogħol, li 11 biss ingħataw b’sejħa pubblika. L-akbar kuntratt li ngħata mingħajr ma ħarġet ebda sejħa pubblika, kien marbut ma’ xogħol varju ta’ manutenzjoni wara ħruq fir-reception area tal-Berġa ta’ Kastilja, b’valur li laħħaq is-somma ta’ €66,380.

Kuntratt ieħor kbir li ngħata kien b’rabta ma’ xogħol ta’ manutenzjoni fl-uffiċċji taċ-CHOGM Taskforce għall-valur ta’ €67,292.15. Minkejja li saret sejħa pubblika għal dan il-kuntratt ta’ xogħol, il-kumpanija TEC Malta Limited xorta rebħet l-offerta.

Xogħol ieħor li ngħata lill-kumpanija kien dak marbut mal-attivitajiet hekk imsejħa ‘Gvern li jisma”, b’kuntratti li jammontaw għall-valur ta’ €26,000. Kuntratti oħrajn li ħadet l-istess kumpanija trattaw l-attivitajiet fil-Barrakka ta’ Fuq fl-okkażjoni tal-anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-UE; l-attivitajiet għall-50 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta; xogħol varju ta’ manutenzjoni fil-Berġa ta’ Kastilja; xogħol relatat ma’ konferenzi tal-aħbarijiet; ma’ żjara statali; mal-attivita fl-okkażjoni tal-ewwel sena mill-ħatra ta’ Gvern ġdid; tnedija ta’ ktieb fil-Berġa ta’ Kastilja; kxif ta’ monument tal-eks-President ta’ Malta; mal-attivitajiet Notte Bianca, Classics Under the Stars u mal-Jum Dinji Marittimu.

Il-kumpanija TEC Malta Limited tħallset ukoll €26,000 għal xoħlijiet li għamlet għaċ-ċerimonja tal-ħatra tal-President ta’ Malta.