Appell lill-gvern biex ma jibqax jiddeċiedi waħdu u jfittex il-kunsens mal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil propost għall-Kunsilli Lokali
L-elezzjonijiet huma tan-nies u mhux tal-Parlament jew tal-politiċi jew tal-gvern tal-ġurnata. Il-Gvern jagħmel l-elezzjonijiet fi żmienhom f’demokrazija, mhux bi pjaċir iżda bi dritt tal-poplu.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea li serva diversi drabi bħala osservatr tal-Commonwealth f’diversi elezzjonijiet barrra pajjiżna, irrimarka li Gvern li jibda jaħseb li għandu dritt li jbagħbas mal-elezzjonijiet bla kunsens tal-Parlament, ikun qiegħed jirriskja li jaqbad in-niżla tiżloq tad-demokrazija.
Fid-dibattitu dwar l-emendi li l-Gvern qiegħed iressaq fil-Parlament biex itawwal il-perjodu u ż-żmien li fihom isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, id-Depuat Nazzjonalista Mario Galea fisser li tbagħbis mal-elezzjonijiet hu preċedent perikoluż.
Fisser li l-Gvern li qed jiddeċiedi waħdu meta jrid li jsiru l-elezzjonijiet lokali u fisser li l-Parlament dejjem sab kunsens b’taħditiet li jwasslu għal qbil fejn jidħlu elezzjonijiet lokali jew elezzjonijiet ġenerali.
Kellu jkun hemm qbil mal-Oppożizzjoni u l-Kunsilli Lokali dwar l-idea li jipposponi l-elezzjonijiet. Din hi issue ta’ demokrazija u saħaq li hawn standards internazzjonali fil-mod kif isiru l-elezzjonijiet demokratiċi, u li jgħidu li l-elezzjonijiet ikunu ġenwini, kompetittivi u b’libertà tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni, b’vot sigriet u b’għadd tal-voti trasparenti. Rekwiżita oħra importanti hi li l-elezzjonijiet ikunu kull perjodu ta’ żmien.
Saħaq li l-elezzjonijiet lokali huma marbuta ma’ elezzjoni ta’ gvern lokali u għaldaqstant għandhom isegwu wkoll il-konvenzjoniijiet u d-dikjarazzjonijiet internazzjonali li kollha jisħqu li l-elezzjonijet għandhom isiru kull perjodu ta’ żmien. Staqsa wkoll għalfejn il-Gvern irid l-elezzjonijiet lokali dejjem mal-MEPs, u x’inhu l-iskop li reġa’ daħal f’polemika li dwarha hawn nuqqas ta’ qbil.
Stil tat-tiranija milli demokrazija
Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan hu stil tat-tiranija milli demokrazija hekk kif irrimarka li l-Gvern jista’ jkun li qed isibha diffiċli li joħroġ in-nies jivvutaw u li jkun aktar faċli li joħroġ in-nies fl-elezzjonijiet tal-MEPs.
Irrifera għall-kumemnti tal-Prim Ministru meta qal li l-poplu għejja jivvota, u rrimarka li dan żgur li ma jistax jingħad għal Malta li fl-elezzjonijiet ta’ April li għadda ħarġu jivvutaw 68% meta l-Gvern fl-Ingilterra kien elett minn fost 61% ta’ dawk eleġibbl li jivvutaw.
Saħaq li d-demokrazija tiswa l-flus iżda l-flus minfuqa għad-demokrazija huma flus minfuqa b’għaqal. Dan hu Gvern li ma jidhirx li għandu problema ta’ flus u l-Gvern ma jistax jibda jilgħab ma’ dan id-dritt tad-demokrazija. Jekk il-gvern se jinjora dan id-dritt, ikun qiegħed iwettaq tiranija tal-maġġoranza fuq il-minorazna.
Sejjaħ li mill-40 ruħ jew organizzazzjoni li taw il-fehmiet tagħhom lill-Gvern tal-Kunsilli Lokali dwar li jtawwal it-terminu, kienu 11 biss li esprimew fehma bħall-Gvern. Staqsa kif il-Gvern iddeċieda li jibqa’ miexi meta ra li m’hemmx qbil u kunsens biex isir it-tibdil kif qed jiġi propost.
Il-Gvern daħak biż-żgħażagħ meta ta l-Vot 16
Innota wkoll li kienet daħka l-ħoss kbir u l-ftaħir li għamel il-Gvern meta ta l-vot 16, meta issa qed jeħodulhom lura meta se jkun qed ineħħi l-elezzjonijiet fl-2017.
Tkellem ukoll dwar l-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew li dwarhom l-elettorat jivvota fuq issues nazzjonali u għaldaqstant l-elettorat jiġi aljenat mill-issues lokali u dan inaqqas l-importanza tal-elezzjonijiet lokali.
Irrifera wkoll għall-problema ta’ nuqqas ta’ fondi u materji oħra ta’ interss li għadhom mhux solvuti bil-mod kif għadhom jitħaddmu l-gwardjani lokali. Appella għal riforma fis-sistema tal-gwardjani lokali biex dawn ikunu għodda ta’ edukazzjoni.
Appella lill-gvern biex ma jibqax jiddeċiedi waħdu u jfittex il-kunsens mal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil propost għall-Kunsilli Lokali, bħalma saħaq li għandu jagħmel ukoll fuq il-proposta li ħareġ biha biex jiżviluppa Żonqor Point li wkoll irid jeqred f’zona importanti fin-Nofsinhar ta’ Malta.
//= $special ?>