Internazzjonali

L-ISIS javvanzaw f’Palmyra

Ġellieda tal-ISIS irnexxielhom javvanzaw fil-belt Sirjana ta’ Palmyra, belt ta’ wirt storiku dinji fejn hemm fdalijiet uniċi. L-ISIS diġà wissew li jridu jeqirdu dawn il-fdalijiet.
Is-Sibt, l-ISIS kien irnexxielhom javvanzaw lejn partijiet ta’ Palmyra imma wara kontrattakk tal-militar Sirjan, kellhom jirtiraw. Iżda l-Erbgħa, waqt offensiva oħra tal-grupp, dawn irnexxielhom jidħlu fil-belt.
Skont is-Syrian Observatory for Human Rights, sors ewlieni ta’ informazzjoni dwar dak li qed jiġri fis-Sirja, l-Erbgħa l-ISIS kellhom terz tal-belt f’idejhom wara ġlied qalil mal-forzi Sirjani.
Sadattant, fl-Iraq l-ISIS jinsabu wkoll fuq l-offensiva u f’dawn il-ġranet irnexxielhom jieħdu l-kontroll ta’ Ramadi. Dan meta l-Armata tal-Iraq qed tmexxi offensiva kontrihom. Issa l-Gvern tal-Iraq għamel appell għal voluntieri biex imorru jingħaqdu mal-Armata fil-ġlieda biex jikseb lura l-kontroll ta’ Ramadi. Dan minħabba li ammont ta’ suldati abbandunaw posthom.
Il-Gvern Amerikan qal ukoll li issa kien se jara x’inhu l-aħjar mod biex jgħin lill-militar Iraqin.
It-telfa ta’ Ramadi hi disfatta kbira, kemm għall-Gvern tal-Iraq kif ukoll għall-istrateġija Amerikana fl-Iraq.
Ramadi tinsab fil-provinċja ta’ Anbar u fil-qalba tat-territorju tas-Sunniti, li hi wkoll il-fergħa ta’ reliġjon tal-ISIS. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Iraqi se jkollu jiddependi mill-ġellieda Xiiti biex jieħu lura lil Ramadi imma minħabba l-mibegħda kbira li hemm bejn iż-żewġ naħat, hu mistenni li jkun hemm tixrid qawwi ta’ demm.
Min-naħa l-oħra, il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar ġimgħat hekk kif il-Gvern Iraqi beda offensiva kontra l-ISIS, juru ċar li l-militar fl-Iraq mhux dixxiplinat u ppreparat biżżejjed biex jikkonfronta lill-ISIS.