Dawk li sal-lum huma żewġ lukandi ta’ 5 stilel u oħra ta’ 4 stilel, se jinbidlu f’żewġ propjetajiet lukandi ta’ sitt stilel fi proġett massiċċ fuq 76,000 metru kwadru ta’ art, u b’investiment li hu stmat li jlaħħaq €400 miljun.
Il-moħħ wara dan il-proġett hu l-Grupp International Hotel Investments (IHI), il-propjetarju tal-lukandi Corinthia. F’temp ta’ 4 snin, il-lukandi Corinthia San Ġorġ, Corinthia Marina u Radisson Hotel fil-Bajja ta’ San Ġorġ se jitwaqqgħu u minflokhom se jkun żviluppat kunċett ġdid li se jkun l-ogħla standard li qatt kien hawn f’Malta. Il-Grupp IHI jinsab fi stadju avvanzat sabiex jikkonkludi taħdidiet dwar ix-xiri tal-Grupp Island Hotels li huwa l-propjetarju tal-lukanda Radisson.
Meta kien qed jagħti dettalji dwar dan il-proġett, iċ-Chairman ta’ IHI Alfred Pisani tkellem dwar l-istorja tal-Grupp Corinthia, li twieled fil-bidu tas-snin sittin flimkien ma’ Malta bħala pajjiż indipendenti. Hu qal li l-avvanzi tal-pajjiż f’dan in-nofs seklu huma miraklu.
Alfred Pisani qal li minkejja l-iżvilupp kontinwu fil-qasam turistiku, sa issa, Malta għadha ma attiratx turisti ta’ ċertu livell. Hu qal li l-pass li jmiss hu li jkun hawn l-ewwel propjeta’ ta’ sitt stilel f’Malta.
Il-proġett ġie fdat lill-istess ditta ta’ periti li kienet responsabbli għall-lukanda ewlenija f’Londra. Il-parti mibnija tal-proġett mistennija tkun inqas minn terz tal-art disponibbli, bil-bqija jkun landscaping estensiv. Il-proġett hu mistenni li joħloq qrib l-elf impjieg.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern se jestendi l-ko-operazzjoni sħiħa tiegħu biex dan il-proġett ikun suċċess. Hu esprima s-sodisfazzjon li wara ħafna snin, il-propjeta’ flagship tal-Grupp Malti IHI se terġa’ tkun f’Malta.
//= $special ?>